Neħtieġu Unjoni Ewropea tad-Difiża

Bl-emerġenza ta’ gwerra ibrida, attakki ċibernetiċi, forom ġodda ta’ terroriżmu u l-proliferazzjoni ta’ armi nukleari, l-Ewropa qed tiffaċċja l-akbar theddida tagħha mill-Gwerra Bierda. Jeħtieġ li l-Ewropa tikber u tieqaf tiddependi fuq l-Istati Uniti għas-sigurtà tagħha stess.

Aħna favur il-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tad-Difiża minħabba li pajjiżi individwali waħedhom qatt mhu se jkunu kapaċi jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom stess meta ffaċċjati b’theddid tas-seklu 21.

L-Ewropa teħtieġ aktar kooperazzjoni tad-difiża; neħtieġu reazzjoni kollettiva biex niġġieldu kontra minaċċi fil-fruntieri esterni tagħna u jeħtieġ li nibnu kapaċitajiet tad-difiża aktar b’saħħithom. Mhuwiex meħtieġ li nonfqu aktar fuq id-difiża, iżda li nonfqu b’mod aktar intelliġenti. Dan ifisser investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp u li nlaħħqu b’mod partikolari ma’ teknoloġija ġdida.

Jeħtieġ li l-Ewropa twarrab l-approċċ tas-setgħa ta’ persważjoni u li tkun tista’ tistabbilixxi qawwa kredibbli biex tipprovdi għas-sigurtà tagħha stess, fi ħdan strutturi tan-NATO u tal-UE.

Kif niffaċċjaw l-isfida ċibernetika

Waħda mill-minaċċi ewlenin li l-Ewropa qed tiffaċċja hija l-attakki ċibernetiċi. Dawn jippreżentaw riskju għas-sigurtà dejjem jiżdied għall-individwi, il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi. Attakk koordinat jista’ jeqred l-ekonomija ta’ pajjiż u anke d-demokrazija tiegħu. It-terroriżmu ċibernetiku, il-gwerra u d-diżinformazzjoni tal-massa (aħbarijiet foloz) kollha jistgħu jintużaw fil-preżent minn pajjiżi terzi biex jinterferixxu fil-proċessi demokratiċi tal-UE. Il-Grupp PPE jiddefendi sanzjonijiet severi kontra dawk li jiġi ppruvat li jkunu wettqu attakki, u jappoġġja l-isforzi kollha mill-Istati Membri tal-UE biex jibnu r-reżiljenza tagħhom kontra d-diżinformazzjoni u jżidu s-sigurtà ċibernetika tagħhom.

Theddid għall-provvista tal-enerġija tagħna jista’ jintuża wkoll minn pajjiżi terzi, bħar-Russja, biex jattakkawna. Il-Membri tal-Grupp PPE għaddew liġi li tiżgura li l-ebda pajjiż ma jitħalla waħdu f’sitwazzjoni bħal din.