Il-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew

Traineeships u programmi

L-apprendistat (traineeship) tagħna joffri opportunità unika biex titgħallem dwar kif jaħdem il-Parlament Ewropew u tikseb għarfien prattiku dwar il-funzjonament tal-grupp politiku tagħna. Matul it-taħriġ, l-apprendist/a ikollu/a superviżjoni minn Amministratur mis-Segretarjat tagħna.

 

X’noffru

Apprendistat ta’ ħames xhur imħallas

Aħna noffru apprendistat ta’ ħames xhur liċ-ċittadini tal-UE u kandidati minn pajjiżi assoċjati jew kandidati. Barra minn hekk, noffru wkoll apprendistat permezz ta’ deroga lil numru ta’ persuni minn pajjiżi oħra.

Dan it-tip ta' apprendistat huwa indirizzat liż-żgħażagħ li għandhom grad universitarju jew temmew tliet snin ta' studju (mill-inqas sitt semestri) f'università jew istitut ekwivalenti ta' edukazzjoni għolja.

Il-Grupp PPE iħallas l-ispiża tal-akkomodazzjoni fi Brussell bi stipendju ta’ €1,700 kull xahar.

Apprendistat mhux imħallas u għal qasir żmien ta' tul massimu ta' 3 xhur (meta t- apprendistat ikun obbligatorju fil-qafas tal-istudju universitarju)

Dan it-tip ta' apprendistat huwa indirizzat għal studenti universitarji li għadhom ma temmux mill-inqas sitt semestri fl-università u meta l-apprendistat ikun parti obbligatorju tal-istudji tagħhom. Dan għandu jkun iġġustifikat b'ittra pprovduta mill-università. Il-Grupp PPE jista' joffri numru limitat ta' dan it-tip ta' apprendistat.

Barra minn hekk, il-Grupp PPE għandu assigurazzjoni obbligatorja għall-kura primarja u inċidenti għall-apprendisti. L-apprendisti kollha jkollhom l-opportunità li jattendu sessjoni plenarja waħda tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Billi nemmnu biss sħiħ fl-opportunitajiet indaqs, inħeġġu applikazzjonijiet minn żgħażagħ b'diżabilità.

Min jista’ japplika

Inti tista’ tapplika għal apprendistat imħallas jew mhux imħallas, jekk:

 

  • Inti għandek nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew pajjiż kandidat jew ta’ assoċjazzjoni.
  • Taf żewġ lingwi tal-UE sew, li waħda minnhom trid tkun l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż. Jekk ġej/ja minn pajjiż mhux tal-UE, trid tkun taf biss waħda mill-lingwi tax-xogħol tal-UE (f’livell B2 jew għola).
  • Mhux diġà ngħatajt apprendistat imħallas f’istituzzjoni tal-UE, u għadek ma bdejtx taħdem wara li temmejt l-istudji.
  • Għal apprendistat imħallas: Għandek lawrija ta’ università, temmejt tliet snin ta’ studju.
  • Għal apprendistat mhux imħallas: Jekk ma lestejtx tal-anqas sitt semestri f’università jew istitut ekwivalenti ta’ edukazzjoni għola, trid tipprovdi attestazzjoni mill-università li tgħid li hemm bżonn ta’ apprendistat fil-qafas tal-istudju tiegħek.

Kif tapplika

Jekk interessat/a li tapplika għal apprendistat, imla l-formola ta’ applikazzjoni online.

Nota importanti: Għandek ukoll tipprepara d-dokumentazzjoni minn qabel, fost l-oħrajn l-ittri ta’ rakkomandazzjoni u kopji tad-diplomi li jridu jintbagħtu mal-applikazzjoni nnifisa.

Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta s-Sejħiet għall-Interess għall-apprendisti hawn taħt.

Tista’ ssib aktar dettalji dwar l-apprendistat tal-Grupp PPE fir-Regoli.

 

 

Meta għandek tapplika

PERJODU TAT-TRAINEESHIPAPPLIKAZZJONI ONLINE
Frar - ĠunjuSe tkun miftuħa mill-15 Ottubru u tingħalaq 12:00 (CET) tal-15 ta’ Novembru
Settembru - FrarSe tkun miftuħa mill-15 ta’April u tingħalaq 12:00 (CET) tal-15 ta’ Mejju

Jekk jogħġbok, ibgħat il-mistoqsijiet dwar traineeships lil:

* Ma nipproċessawx emails li jintbagħatu direttament lill-impjegati.

epp-stages@europarl.europa.eu

Sejħa għall-interess

Bħalissa, m'għandna l-ebda sejħiet miftuħa għall-interess. Jekk jogħġbok iċċekkja lura aktar tard.

Applikazzjoni

Skadenzi għall-applikazzjonijiet

Traineeship tar-rebbiegħa

15 ta' Novembru 12:00 CET

Għażla

Il-kandidati jiġu infurmati dwar l-eżitu tal-applikazzjoni tagħhom

Traineeship tar-rebbiegħa

15 ta’ Diċembru

Bidu tat-traineeship

It-traineeships se jibdew

Traineeship tar-rebbiegħa

Fil-bidu ta' Frar

Direttorati tal-Grupp PPE

Il-missjoni tad-Direttorat:

Jagħti appoġġ operattiv ta’ livell għoli lill-attivitajiet tal-Grupp fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), tar-riżorsi umani, u tal-finanzi.

Deskrizzjoni tal-kompiti tat-trainees:

  • jabbozzaw minuti, noti ta’ informazzjoni u dokumenti oħrajn;
  • jagħtu assistenza lill-amministraturi tas-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fil-manutenzjoni tal-intranet, tas-sit web u tal-bażijiet tad-data interni tal-Grupp;
  • jagħtu assistenza lit-tim tar-riżorsi umani b’segwitu għall-karriera u t-taħriġ professjonali għall-persunal, kif ukoll jipprovdu appoġġ amministrattiv għal proċeduri diversi;
  • jagħtu assistenza fit-tħejjija tal-analiżijiet u tar-rapporti finanzjarji;
  • iħejju rapporti statistiċi dwar diversi suġġetti marbuta mal-attività tal-Unità (ICT, riżorsi umani jew finanzi, rispettivament);
  • jikkontribwixxu għat-tlestija tal-kompiti assenjati lill-Unità.

Il-missjoni tad-Direttorat:

Jiżviluppa u jimplimenta l-istrateġija tal-Grupp, itejjeb l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni fil-konfront tan-network usa’ tal-familja tal-PPE u jsaħħaħ il-kuntatti mal-parlamenti nazzjonali u man-Network taż-Żgħażagħ Parlamentari. Jinkludi l-Unità tal-Istrateġija, l-Unità tas-Sensibilizzazzjoni, id-Djalogu Interkulturali u Reliġjuż, u l-Unità tal-Avvenimenti.

Deskrizzjoni tal-kompiti tat-trainees:

  • jiktbu noti dwar kwistjonijiet ta’ politika Ewropea;
  • jagħmlu riċerka tal-kuntest għad-diskorsi, artikli u noti ta’ informazzjoni;
  • jappoġġjaw l-organizzazzjoni ta’ laqgħat esterni tal-Bureau u ta’ avvenimenti tal-Akkademja tal-Grupp tal-PPE;
  • jagħmlu monitoraġġ tal-istħarriġiet tal-opinjoni pubblika;
  • jagħtu assistenza fit-tħejjija ta’ laqgħat tematiċi mal-Membri tal-Parlamenti nazzjonali, summits tal-Presidenti tal-Grupp PPE, Network taż-Żgħażagħ Parlamentari, Erasmus għall-parlamentari tal-PPE, Ċirku tal-SMEs u laqgħat tal-kumitati;
  • jikkontribwixxu għall-abbozzar ta’ noti, pubblikazzjonijiet, rapporti, bullettini, u minuti minn laqgħat/konferenzi u dokumenti oħra;
  • jikkuntattjaw lill-uffiċċji tal-Membri tal-PE fir-rigward tal-attivitajiet tad-Direttorat;
  • jagħmlu riċerka dwar l-għażliet disponibbli fis-suq, jifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-fornituri ta’ servizzi u jfasslu l-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti;
  • jagħtu assistenza fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tematiċi;
  • jatteu l-laqgħat li jsiru kull ġimgħa dwar l-ippjanar bil-quddiem tal-Unità tal-Avvenimenti, tad-Direttorat tal-Istampa u l-Media u tal-Grupp.

Il-missjoni tad-Direttorat:

Jikkoordina l-ħidma tal-kumitati parlamentari u l-attivitajiet plenarji, bħal rapporti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, emendi u riżoluzzjonijiet. Jinkludi l-Unità tal-Koordinazzjoni Leġiżlattiva, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ekonomija u l-Ambjent, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Baġit u l-Politiki Strutturali, u l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Affarijiet Legali u Interni.

Deskrizzjoni tal-kompiti tat-trainees:

  • jagħtu assistenza fix-xogħol leġiżlattiv: jikkontribwixxu għall-abbozzar ta’ emendi, janalizzaw rapporti, iħejju osservazzjonijiet dwar abbozzi ta’ kompromessi u jħejju l-listi ta’ votazzjoni fil-kumitati u fil-plenarja;
  • jagħtu assistenza fil-koordinament tal-kumitati: jivverifikaw l-attendenza tal-Membri waqt il-votazzjonijiet fil-kumitati, jikkoordinaw il-ħin għad-diskorsi tal-Membri, jagħtu appoġġ fil-kuntatti u fil-koordinament mas-segretarjati tal-kumitati u mal-uffiċċju tal-koordinatur u jħejju l-laqgħat preparatorji;
  • jieħdu l-minuti tal-laqgħat ta’ koordinazzjoni interna;
  • jabbozzaw osservazzjonijiet dwar il-punti li jittieħed vot fuqhom fis-sessjoni plenarja sussegwenti qabel il-ġimgħa riżervata għal-laqgħat tal-gruppi;
  • jiktbu sommarji tal-proposti u l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, u jattendu avvenimenti tal-partijiet ikkonċernati.

Il-missjoni tad-Direttorat:

Jorganizza x-xogħol tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet interparlamentari tal-Grupp fil-qasam tal-politiki esterni u jagħti assistenza lill-Membri tal-Grupp tal-PPE fl-attivitajiet tagħhom fi ħdan id-delegazzjonijiet interparlamentari.

Deskrizzjoni tal-kompiti tat-trainees:

  • jattendu l-laqgħat tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet interparlamentari, jabbozzaw minuti u jirrapportaw lis-superviżur;
  • jagħmlu monitoraġġ tal-attivitajiet parlamentari, jagħmlu riċerka tal-kuntest, jattendu avvenimenti, jabbozzaw noti ta’ informazzjoni u spunti għall-interventi relatati max-xogħol tal-kumitat assenjat u tad-delegazzjoni assenjata;
  • jagħtu assistenza fl-abbozzar u fit-tħejjija ta’ rapporti, emendi u riżoluzzjonijiet urġenti tal-kumitati;
  • jagħtu assistenza fit-tħejjija tad-diskussjonijiet fil-plenarja, u fis-segwitu li jingħata lil tali diskussjonijiet, dwar kwistjonijiet marbuta mal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Politiki Esterni.

Il-missjoni tad-Direttorat:

Isaħħaħ l-organizzazzjoni tal-kampanji tal-Grupp, speċjalment fil-qasam tal-komunikazzjoni fuq il-media soċjali u fl-organizzazzjoni tal-kampanji tal-Grupp. Huwa magħmul mill-Unità tal-Komunikazzjoni Diġitali.

Deskrizzjoni tal-kompiti tat-trainees:

  • iħejju kunċetti għal servizzi fotografiċi biex isostnu l-kampanji ta’ komunikazzjoni;
  • jagħmlu riċerka, jabbozzaw prefazzjonijiet u jagħmlu qari tal-provi tal-pubblikazzjonijiet li l-Grupp joħroġ bl-Ingliż;
  • jattendu laqgħat tal-Unità tal-Media Soċjali.

Il-missjoni tad-Direttorat:

Jiżgura li l-inizjattivi leġiżlattivi u l-objettivi politiċi tal-Grupp tal-PPE jiġu kkomunikati b’mod effikaċi lill-ġurnalisti fi Brussell, lill-ġurnalisti fl-Istati Membri tal-UE, lill-partijiet ikkonċernati interessati u lill-pubbliku. Huwa magħmul mill-Unità tal-Istampa Ewropea u l-Unità tal-Istampa Nazzjonali.

Deskrizzjoni tal-kompiti tat-trainees:

  • jagħmlu monitoraġġ u jħejju kuljum analiżi tal-istampa nazzjonali u Ewropea;
  • jagħmlu riċerka u monitoraġġ fuq il-media tat-temi ta’ attwalità tal-UE;
  • isegwu laqgħat għall-istampa u jiktbu rapporti dwarhom;
  • isegwu sessjonijiet plenarji u jagħtu assistenza lill-uffiċjali tal-istampa fit-tħejjija ta’ abbozzi ta’ stqarrijiet għall-istampa;
  • jgħinu lill-uffiċjali tal-istampa jabbozzaw il-messaġġi ewlenin għal suġġetti relatati max-xogħol leġiżlattiv;
  • isegwu l-laqgħat rilevanti u jiktbu minuti jew noti ta’ informazzjoni;
  • jagħtu assistenza fl-organizzazzjoni ta’ konferenzi stampa u avvenimenti għall-media;
  • jagħmlu qari tal-provi u traduzzjonijiet.

 

2 nisa jitbissmu filwaqt li jħarsu lejn skrijn ta' laptop

Erasmus għall-MPs Żgħażagħ

In-Netwerk tal-Membri Żgħażagħ (YMN) nieda il-Programm tal-Erasmus għall-MPs Żgħażagħ b’żewġ għanijiet: li jġib flimkien politiċi nazzjonali u Ewropej u li jinħoloq netwerk ta’ politiċi żgħażagħ biex jaħdmu flimkien u jibnu l-futur tal-Ewropa.

Il-Programm tal-Erasmus għall-MPs Żgħażagħ joffri lill-MPs żgħażagħ minn partiti membri tal-PPE ċ-ċans li jesperjenzaw kif jaħdem il-Parlament Ewropew - u kif tiġi abbozzata l-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-parteċipanti jqattgħu ġimgħa fi Brussell jikkollaboraw ma’ MEPs żgħażagħ dwar suġġett partikolari. Huma jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Grupp, laqgħat tal-kumitati u sessjonijiet plenarji, u jiltaqgħu ma’ min jieħu d-deċiżjonijiet, l-votanti u l-ġurnalisti. Hi opportunità unika biex jinqasmu l-ideat u jiġu żviluppati relazzjonijiet personali.

Jekk int interessat/a li tapplika għall-programm, ibgħat email lil epp-youngmembers@europarl.europa.eu, u aħna nikkuntattjawk lura.

In-Netwerk tal-Membri Żgħażagħ tal-Grupp tal-PPE (YMN) iħallas għall-akkomodazzjoni u spejjeż tal-ivjaġġar.

Ħlas għal riċerka

Il-programm tal-grants għandu l-għan li jgħin riċerkaturi interessati fl-istorja, ir-rwol u l-impatt tad-Demokrazija Kristjana fuq il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, biex iwessgħu r-riċerka tagħhom. Il-programm, offrut darba fis-sena jagħti r-riċerkaturi l-aċċess għal sorsi primarji fl-Arkivji Storiċi tal-Unjoni Ewropea f’Firenze, l-arkivji tal-Grupp tal-PPE fi Brussell u/jew il-Konrad Adenauer Stiftung (KAS) f’Sankt Augustin, ħdejn Bonn.

Jekk int interessat/a li tapplika, għandek tissottometti l-applikazzjoni sal-aħħar ta’ Ġunju,  u aħna ninfurmawk jekk l-applikazzjoni tkunx ta’ suċċess sal-aħħar ta’ Lulju. L-applikanti ta’ suċċess jirċievu ħlas tar-riċerka ta’ €5000 biex ikopru l-ispejjeż relatati biex isir aċċess għas-sorsi primarji.

Jekk trid tkun taf aktar dwar dan il-ħlas għal riċerka annwali, idħol Ħlas għar-Riċerka ta’ Wara l-Gradwazzjoni fuq id-Demokrazija Kristjana u l-integrazzjoni Ewropea.

 

Viżwal ta' fajls f'armarju

Testimonjanzi

L-Iktar Mistoqsijiet Frekwenti

Se nikkuntattjawk mill-aktar fis possibbli biex ninfurmawk dwar il-parteċipazzjoni fit-traineeship abbażi tal-kriterji msemmijin hawn fuq. Hawn fuq issib kalendarju indikattiv tal-proċedura ta’ selezzjoni.

Il-Grupp tal-PPE japplika politika ta’ opportunitajiet indaqs u hu impenjat favur id-diversità u l-ħolqien ta’ ambjent ta’ xogħol inklużiv. Inħeġġu applikazzjonijiet mingħand nisa u rġiel ikkwalifikati li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-impjieg, indipendentement mill-età, razza, oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, identità sesswali jew minn kwalunkwe karatteristika oħra.

Il-Grupp tal-PPE jiżgura li d-data personali tal-applikanti tiġi pproċessata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data. Dan ir-regolament iħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE.