Il-Marittimu huwa nieqes minn pjan ħolistiku li jissalvagwardja l-interessi strateġiċi - Casa

18.01.2024 12:02

Il-Marittimu huwa nieqes minn pjan ħolistiku li jissalvagwardja l-interessi strateġiċi - Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP

L-MEP David Casa appella lill-Gvern Malti kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jipproteġu aħjar industriji strateġiċi ewlenin bħat-trasbord (transhipment). B'mod partikolari, sostna li d-deċiżjonijiet dwar investimenti li jużaw il-flus tal-UE għandhom iqisu l-impatt tal-leġiżlazzjoni Ewropea u r-ramifikazzjonijiet potenzjali tagħha.

"Huwa diffiċli ħafna li wieħed jifhem kif il-flus tal-Unjoni Ewropea qed jintużaw biex isaħħu l-attivitajiet tal-portijiet Afrikani fi żmien meta l-estensjoni tal-ETS għas-settur marittimu saret theddida eżistenzjali għaċ-ċentri tat-trasbord tal-UE," iddikjara Casa.

Casa sostna li filwaqt li t-titjib tal-kapaċità loġistika fil-Mediterran hija ħaġa tajba, l-appoġġ tal-UE għal proġetti fl-Afrika għandu jkun marbut ma’ kundizzjonijiet robusti, inkluż li jikkontribwixxu għall-ambizzjonijiet klimatiċi tal-UE.

“Qegħdin naraw nuqqas ta’ ppjanar strateġiku u koordinazzjoni għad-detriment tal-portijiet li jinsabu ġewwa l-UE kif ukoll għall-ambjent. Il-finanzjament li mhux marbut ma’ kundizzjonijiet stretti għandu jieqaf u l-koordinazzjoni għall-ħarsien tal-industrija Ewropea, kif ukoll biex jintlaħqu l-miri tal-klima, għandhom jingħataw l-prijorità li biċ-ċar jixirqilhom,” sostna Casa.

Il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, li fih il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-UE huma azzjonisti, qed jappoġġja proġetti fil-port Eġizzjan ta’ Damietta bil-għan speċifiku li jżidu l-kapaċitajiet ta’ trasbord tagħhom, filwaqt li l-Bank Ewropew tal-Investiment ta l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ infrastruttura anċillari tal-istess port.

“X’ġid se jsir fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima biex l-UE tnaqqas l-emissjonijiet tagħha biex l-istess emissjonijiet jiġu emessi tul il-kosta tal-Afrika ta’ Fuq?”, staqsa l-MEP Malti.

F'ittri lill-Kummissarji rilevanti tal-UE u lill-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Casa talab pjan koordinat u ta' sens komun li jibqa' konxju tal-obbligi tal-klima u l-interessi strateġiċi Ewropej.

L-isforzi tal-MEP Casa komplew wara li x-xahar li għadda ressaq it-tħassib tal-industrija tat-trasbord ta’ Malta għall-attenzjoni tal-Kummissarju għall-Klima Hoekstra, fejn talab għal miżuri ta’ mitigazzjoni spedjenti sabiex tiġi evitata ħsara potenzjali lis-settur.

“It-trasbord huwa industrija ewlenija għal Malta. Il-gvern Malti għandu jżomm ħarsa ċara ta’ x’inhu jiġri fl-istituzzjonijiet Ewropej, u jisħaq l-interessi strateġiċi Maltin. Dan mhux qed isir. Minflok rajna sforz pjuttost fqir biex jiddefendu l-interessi tagħna. Dan irid jinbidel,” temm jgħid l-MEP.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'179 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat