Veto Mingħajr Tlaqliq – Casa dwar il-proposta għal taxxa Ewropea fuq l-online gaming

21.05.2026 10:01

Veto Mingħajr Tlaqliq – Casa dwar il-proposta għal taxxa Ewropea fuq l-online gaming

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Gvern Nazzjonalista futur ikun lest juża il-poter tal-veto fuq kwalunkwe taxxa tal-UE fuq l-online gaming, David Casa, il-kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, wissa nhar l-Erbgħa.

Waqt li indirizza l-plenarja fid-dibattitu dwar proposta biex tinħoloq taxxa tal-UE fuq l-online gaming, Casa wera tħassib dwar il-proposti mmexxija mis-Soċjalisti relatati ma’ finanzjament biex jinstabu own resources tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li kkritika bil-qawwa dak li ddeskriva bħala legalment mhux sod u ta’ ħsara għall-ekonomija.

Huwa kkritika l-proposta li tpoġġi lill-operaturi liċenzjati fl-UE fi żvantaġġ kompetittiv, filwaqt li tinċentiva r-rilokazzjoni tan-negozji lejn pajjiżi terzi u timbotta lill-konsumaturi lejn grey markets illegali u mhux regolati.

“Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa, dan l-approċċ jippreġudika lill-kumpaniji konformi bbażati fl-UE li joperaw taħt standards regolatorji u oqfsa b’saħħithom ta' protezzjoni tal-konsumatur. Flok issaħħaħ is-suq Ewropew, qegħdin nissograw li nitilfu n-negozju mill-Unjoni u nimbottaw lill-konsumaturi lejn operaturi illegali li joperaw b'impunità, ma jħallsux taxxa, u lanqas biss japplikaw l-aktar salvagwardji bażiċi għall-konsumatur,” saħaq Casa.

Huwa għamel enfasi partikolari fuq l-importanza ta’ dan is-settur għall-ekonomija Maltija, filwaqt li nnota li aktar minn 10% tal-prodott gross domestiku ta’ Malta huwa marbut mas-settur, li jsostni l-għixien ta’ eluf permezz ta’ impjiegi ta’ kwalità.

“L-ebda Stat Membru ieħor ma joqrob lejn il-livell ta’ esponiment ekonomiku ta’ Malta f’dan il-qasam. Għalhekk, Malta tkun fost il-pajjiżi l-aktar milquta ħażin minn politika żbaljata li tkeċċi l-investiment u l-impjiegi lil hinn mill-Ewropa,” saħaq Casa.

Huwa fakkar ukoll li kwalunkwe deċiżjoni dwar own resources teħtieġ l-unanimità tal-Istati Membri u ddeskriva l-proposta bħala “non-starter”.

“Filwaqt li ma nistax nitkellem f’isem il-gvern preżenti, speċjalment meta din il-proposta qed tiġi mbuttata mis-Soċjalisti, nista’ ngħid b’mod ċar li gvern Nazzjonalista futur ikun lest jopponi kwalunkwe miżura bħal din u juża l-poter tal-veto mingħajr tlaqliq,” temm jgħid Casa.

Huwa kkonkluda billi ħeġġeġ lill-proponenti biex ma jaħlux ħinhom u minflok jiffukaw fuq l-identifikazzjoni ta' riżorsi proprji alternattivi li ma jimminawx l-industriji leġittimi, il-kompetittività ekonomika, jew l-impjiegi Ewropej.

Ara hawn: David Casa jindirizza l-plenarja

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'185 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat