Casa jegħleb sfida tal-lemin estrem kontra l-ESF

25.11.2026 12:46

Casa jegħleb sfida tal-lemin estrem kontra l-ESF

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Membri tal-Parlament Ewropew illum ivvutaw b’maġġoranza kbira favur il-mandat ta’ negozjar miksub mill-MEP David Casa għall-Fond Soċjali Ewropew (ESF) ta’ wara l-2027, u b’hekk għelbu b’mod deċiżiv oġġezzjoni tal-lemin estrem kontra t-test.

Bil-pożizzjoni tal-Parlament ikkonfermata, Casa - li huwa ko-rapporteur fuq dan ir-regolament flimkien mal-MEP Marit Maij - se jidħol f’negozjati mal-gvernijiet nazzjonali fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-bidu tas-sena d-dieħla, u b’hekk iwitti t-triq għall-implimentazzjoni tal-miżuri l-ġodda tal-ESF.

"L-investiment fin-nies irid jibqa’ prijorità Ewropea," qal l-MEP David Casa. "L-organizzazzjonijiet li jipprovdu t-taħriġ, is-servizzi tal-impjiegi u l-appoġġ fil-komunitajiet tagħna għandhom bżonn iċ-ċertezza, u n-nies li jiddependu fuq dawn is-servizzi hekk jixirqilhom."

Il-Fond Soċjali Ewropew huwa l-istrument ewlieni tal-UE għall-investiment fin-nies, billi jappoġġja impjiegi ta’ kwalità, l-iżvilupp tal-ħiliet, l-inklużjoni soċjali, u l-ġlieda kontra l-faqar.

Taħt il-mandat innegozjat minn Casa, l-ESF jinżamm bħala fond indipendenti b’kapitoli ddedikati fil-Pjanijiet ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali, biex ir-riżorsi tiegħu ma jintilfux f’mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament.

Il-mandat jiggarantixxi wkoll finanzjament iddedikat għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-privazzjoni materjali - inkluż l-għajnuna tal-ikel u l-assistenza materjali bażika - filwaqt li jappoġġja l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u t-tranżizzjoni mill-iskola għad-dinja tax-xogħol.

F’Malta u Għawdex, il-finanzjament tal-ESF jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema, lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-edukaturi, lill-infermiera, lill-istudenti, u lill-persuni b’diżabilità permezz ta’ boroż ta’ studju, skemi ta’ taħriġ, inklużjoni fuq il-post tax-xogħol, u assistenza soċjali mmirata.

Casa tenna wkoll li l-inizjattiva "My Voice, My Choice" inżammet barra mit-test tal-Parlament, biex jiġi żgurat li l-fond jibqa’ ffukat fuq il-mandat ewlieni tiegħu fil-qasam soċjali u tal-impjiegi.

"Żammejna ‘My Voice, My Choice’ barra minn dan it-test," qal Casa. "Illum għamilna pass importanti ’l quddiem, u se nkompli naħdem mal-Istati Membri fil-Kunsill biex niżguraw fond b’saħħtu li joħloq l-opportunitajiet u jappoġġja lil dawk li l-aktar għandhom bżonn."

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'185 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat