Qbil multi-biljunarju fuq il-Fond Soċjali għall-Klima ta’ David Casa

18.12.2022 9:51

Qbil multi-biljunarju fuq il-Fond Soċjali għall-Klima ta’ David Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
EPP Group logo
Traduzzjoni
Select language:

Il-MPE David Casa ħabbar tard ilbieraħ filgħaxija li ntlaħaq ftehim provviżorju biex jiġi stabbilit fond multi-biljunarju, msejjaħ il-Fond Soċjali għall-Klima, li se jgħin lill-familji u lill-intrapriżi ż-żgħar fit-transizzjoni tal-klima.

Casa kien negozjatur prinċipali wara li ġie appuntat rapporteur għall-Fond Soċjali għall-Klima f’isem il-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) is-sena li għaddiet.

Miljuni se jkunu disponibbli għal Malta ladarba l-ftehim ta’ Casa jieħu l-aħħar approvazzjoni wara l-ewwel tas-sena.

“Ninsabu l-aktar viċin biex niżguraw li t-transizzjoni klimatika tkun aktar ġusta u aktar inklussiva għas-soċjetà,” spjega Casa.

Il-fond ġie approvat provviżorjament għal 86.7 biljun ewro u se jiġi ffinanzjat minn mekkaniżmu storiku li jitfa’ prezz fuq l-emissjonijiet. Din hija l-politika klimatika prinċipali tal-Unjoni Ewropea li ġiet maqbula flimkien mal-Fond Soċjali għall-Klima.

“Din hija aħbar pożittiva għall-bżonnijiet enerġetiċi tagħna, għall-klima, u għaċ-ċittadini tagħna.”

Casa rringrazzja lil co-rapporteur f’isem il-kumitat ambjentali tal-Parlament Ewropew, l-MPE tal-PPE Esther de Lange, tal-kooperazzjoni eċċellenti li ħadmu biha tul l-aħħar sena. Esprima wkoll il-gratitudni għall-kollegi tiegħu li jirrappreżentaw il-kumplament tal-partiti Ewropej li ħadmu miegħu tul in-negozjati.

Il-Fond Soċjali għall-Klima jagħmel parti mill-pakkett “fit-for-55 fl-2030”, li huwa l-pjan tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet b’almenu 55% sas-sena 2030 kkomparati ma’ livelli fl-1990, skont il-Liġi Ewropea għalli-Klima.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat