Casa lis-SiGMA: Il-ħaddiema huma l-akbar riżorsa li għandkom

04.11.2026 12:51

Casa lis-SiGMA: Il-ħaddiema huma l-akbar riżorsa li għandkom

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Casa David
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

F'diskors ewlieni waqt is-summit tas-SiGMA f’Ruma, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew, David Casa, appella lill-kumpaniji biex jinvestu fil-ħaddiema tagħhom hekk kif idaħħlu teknoloġija ġdida. Saħaq li l-Ewropa trid tagħmilha aktar faċli għan-negozji biex jikbru lil hinn minn xtuthom, filwaqt li tħares lill-konsumaturi u tiżgura li anke l-ħaddiema jgawdu mill-progress teknoloġiku.

Quddiem mexxejja mis-setturi tal-gaming u tat-teknoloġija minn madwar id-dinja, Casa appella għal regoli aktar ċari, inqas kontrolli ripetuti u aċċess aħjar għall-finanzjament. Qal li l-Ewropa trid tagħmel aktar biex tattira l-investiment u biex min jiftaħ negozju hawn ikun jista’ jkompli jkabbru fl-Ewropa stess.

“Irridu li tagħżlu l-Ewropa. Li ġġibu l-ideat tagħkom hawn. Li tibnu t-timijiet tagħkom hawn. U li taraw il-futur tagħkom hawn,” qal Casa.

Casa sostna li l-Ewropa għadha mhix qed tieħu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku tagħha. Appella għal aktar regoli u standards komuni, anke fis-settur tal-gaming, biex in-negozji jkunu jistgħu jespandu bejn pajjiż u ieħor, filwaqt li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi.

“Is-suq uniku għandu jkun għodda li n-negozji jistgħu jużaw. Għandu jgħin lil negozju żgħir jilħaq klijenti ġodda u jagħtih ċans ġust li jikkompeti.”

Huwa saħaq li r-regoli jrid ikollhom skop ċar u jaħdmu fil-prattika, speċjalment għan-negozji ż-żgħar li ma jifilħux iħallsu għal timijiet kbar ta’ avukati.

Casa tenna wkoll l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposti biex tiddaħħal taxxa ġdida tal-UE fuq il-gaming online. Filwaqt li n-negozji għandhom iħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi, wissa li aktar spejjeż fuq kumpaniji li jimxu mar-regoli jistgħu jkeċċu l-investiment, ipoġġu l-impjiegi f’riskju u jagħmlu s-siti illegali aktar attraenti.

Dwar il-protezzjoni tal-klijenti, Casa appella għal kontrolli effettivi tal-età, limiti ċari u intervent bikri meta klijenti jibdew juru sinjali ta’ problemi marbuta mal-logħob. Ħeġġeġ ukoll aktar kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-banek, il-kumpaniji tal-pagamenti u l-pjattaformi online biex jiġi miġġieled il-logħob illegali.

“Il-fiduċja fit-tul tiswa ħafna aktar minn qligħ ta’ malajr,” qal Casa.

Dwar l-intelliġenza artifiċjali, Casa ħeġġeġ lill-kumpaniji jinvestu fil-ħaddiema tagħhom hekk kif jibdew jużaw teknoloġiji ġodda. B’referenza għal rapporti dwar ħaddiema fis-settur tal-gaming li qed jitilfu xogħolhom minħabba l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, huwa appella għal aktar taħriġ u opportunitajiet reali biex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jidħlu fi rwoli ġodda.

“Qabel ma teliminaw post tax-xogħol, araw kif jista’ jinbidel. Qabel ma titlef ħaddiem b’esperjenza, offrilu taħriġ. Agħtu lin-nies iż-żmien biex jitgħallmu u ċans veru li jżommu xogħolhom.”

Casa qal li l-Ewropa u n-negozji għandhom responsabbiltà komuni li jgħinu lill-ħaddiema jiksbu ħiliet ġodda.

“Il-benefiċċji tal-intelliġenza artifiċjali għandhom jaslu wkoll għand il-ħaddiema li bix-xogħol tagħhom għamlu dan il-progress possibbli.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'185 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat