L-MEP Peter Agius jilqa’ l-proposta riveduta dwar l-ETS li teżenta t-trasbord bħala pass fid-direzzjoni t-tajba

L-MEP Peter Agius jilqa’ l-proposta riveduta dwar l-ETS li teżenta t-trasbord bħala pass fid-direzzjoni t-tajba

17.07.2026 12:53

L-MEP Peter Agius jilqa’ l-proposta riveduta dwar l-ETS li teżenta t-trasbord bħala pass fid-direzzjoni t-tajba

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Isejjaħ għal azzjoni akbar biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport u l-impatt tagħhom fuq l-għoli tal-ħajja

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta riveduta tagħha dwar is-Sistema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS), bil-għan li tindirizza numru ta’ nuqqasijiet fir-regoli attwali tal-ETS li ġew ikkritikati minn diversi setturi Ewropej minħabba l-piż li qed joħolqu fuq il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku.

B’reazzjoni għal dak ippreżentat, il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius qal li din ir-riforma hija possibbilment l-aktar leġiżlazzjoni importanti għal Malta li se tiġi quddiem il-Parlament Ewropew matul din il-leġiżlatura. Dan fid-dawl tal-piżijiet sistemiċi li r-reġim attwali tal-ETS qed jimponi fuq l-ekonomija Maltija – mis-settur tal-avjazzjoni, għat-tbaħħir, għall-operazzjonijiet tat-trailers sal-importazzjoni ta’ materja prima minn pajjiżi terzi.

“Ir-regoli eżistenti tal-ETS, sfortunatament, komplew jaggravaw l-iżvantaġġ naturali ta’ Malta bħala gżira billi jintaxxaw kważi l-merkanzija kollha li tidħol u toħroġ minn pajjiżna, permezz ta’ spejjeż ogħla tat-trasport li huma essenzjali għall-ekonomija tagħna,” qal il-MEP Agius.

“Fil-passat konna nieqsa mill-viżjoni meħtieġa biex nantiċipaw il-piżijiet sistemiċi li l-ETS kien se jimponi fuq kważi kull settur tal-ekonomija Maltija. Issa għandna opportunità biex nikkoreġu dawn l-iżbalji billi nagħtu dimensjoni gżejjer lill-ETS.”

Il-MEP Agius laqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-proposta riveduta tal-ETS li jipprevedu eżenzjonijiet għall-operazzjonijiet ta’ trasbord (transhipment), li mistennija jtaffu ftit il-piż tat-taxxi fuq il-Malta Freeport filwaqt li jtejbu l-kompetittività tal-operazzjoni bbażata f’Malta meta mqabbla ma’ portijiet ġirien.

Il-proposta tal-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sejħiet tal-MEP Agius, flimkien ma’ dawk ta’ diversi partijiet interessati, li enfasizzaw l-iżvantaġġ kompetittiv li jiffaċċja l-Malta Freeport meta mqabbel ma’ portijiet fl-Afrika ta’ Fuq, billi issa qed tipprovdi eżenzjoni mill-ETS meta l-merkanzija ma tkunx destinata lejn l-Unjoni Ewropea.

“Din l-eżenzjoni hija pass sinifikanti ’l quddiem għal Malta, fejn il-Freeport mhux biss jikkontribwixxi madwar 2% tal-Prodott Gross Domestiku, iżda jipprovdi wkoll konnettività essenzjali għal ekosistema sħiħa ta’ negozji lokali. L-inklużjoni tagħha fil-proposta tal-Kummissjoni turi li meta naħdmu b’mod konsistenti nistgħu nibdlu l-Ewropa biex taqdi aħjar il-ħtiġijiet tagħna,” iddikjara l-MEP Agius.

Agius kien inqas pożittiv dwar in-nuqqas ta’ salvagwardji sistemiċi għall-gżejjer bħal Malta fir-rigward tal-operazzjonijiet tat-trailers, li jipprovdu sa 60% tal-oġġetti għall-użu industrijali u għall-konsum f’Malta.

“Jiddispjaċini nara li l-Kummissjoni ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni konkreta biex tindirizza l-piż sinifikanti fuq l-operazzjonijiet tat-trailers, li bħalissa qed iħallsu l-ispiża sħiħa tal-ETS għall-vjaġġ bil-baħar tagħhom mit-Tramuntana tal-Italja sa Malta. Din l-ispiża, li skont l-ATTO, l-assoċjazzjoni lokali tat-trailers, tammonta għal aktar minn €700 għal kull kontejner, qed tissarraf f’miljuni ta’ ewro f’żieda fl-għoli tal-ħajja għall-familji Maltin. Għandi l-ħsieb li npoġġi din il-kwistjoni fuq il-mejda tan-negozjati fix-xhur li ġejjin bi proposti li jtaffu dan il-piż. Għandna bżonn ukoll miżuri li jindirizzaw l-ispiża sproporzjonata li qed iħallas is-settur tal-avjazzjoni minħabba d-distanza ta’ Malta mill-kontinent,” iddikjara l-MEP Agius.

“Il-poplu Malti jrid jagħti sehmu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-pjaneta tagħna. Madankollu, il-prezz li nħallsu għandu jkun ġust u proporzjonat, u m’għandux jippenalizzana sempliċement minħabba l-insularità tagħna.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'184 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat