Peter Agius jitlob kjarifika dwar għaliex Malta se tieħu biss 3% tal-ħsarat tal-Maltempata Harry

Peter Agius jitlob kjarifika dwar għaliex Malta se tieħu biss 3% tal-ħsarat tal-Maltempata Harry

17.09.2026 13:41

Peter Agius jitlob kjarifika dwar għaliex Malta se tieħu biss 3% tal-ħsarat tal-Maltempata Harry

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Agius Peter
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Peter Agius qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tispjega kif waslet għall-allokazzjoni ta’ €3.7 miljun lil Malta mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għall-ħsarat ikkawżati mill-Maltempata Harry, ammont li jirrappreżenta madwar 3% tal-€128 miljun stmati fi ħsarat.

Agius laqa’ l-fatt li Malta, għall-ewwel darba, se tibbenefika minn dawn il-fondi ta’ solidarjetà u feraħ lis-servizzi tal-Gvern għax-xogħol li sar fuq it-talba ta’ Malta. Madankollu, qal li jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk ir-regoli tal-Fond humiex qed jaħdmu kontra Malta.

“Nilqa’ d-deċiżjoni li Malta tingħata €3.7 miljun f’għajnuna għall-ħsarat tal-Maltempata Harry. Din hija l-ewwel darba li ħadna minn dawn il-fondi ta’ solidarjetà, għalhekk irrid nifraħ lis-servizzi tal-Gvern għax-xogħol tagħhom fuq din it-talba ta’ Malta. Importanti, iżda, li nifhmu jekk ir-regoli tal-Fond ta’ Solidarjetà Ewropea humiex qed jaħdmu kontrina,” qal Agius.

Minn €128 miljun ikkalkulati fi ħsarat, Malta se tirċievi €3.7 miljun, jiġifieri madwar 3% tal-ħsarat imġarrba. Agius qabbel dan mal-għajnuna mogħtija lil Spanja u lill-Italja: Spanja ngħatat €149 miljun, ekwivalenti għal madwar 8% tal-ħsarat eliġibbli, filwaqt li l-Italja ngħatat €74 miljun, jew madwar 7%.

Agius qal li l-allokazzjoni lil Malta se tkopri biss parti żgħira mill-ħsarat imġarrba, fosthom dawk li sofrew il-bdiewa minħabba t-telf tal-uċuħ. Huwa appella lill-Gvern biex ikompli din l-għajnuna permezz ta’ fondi nazzjonali sabiex titħares il-kapaċità ta’ Malta li tipproduċi ikel għall-familji Maltin.

“€3.7 miljun allokati lil Malta se jkopru biss parti żgħira mill-ħsara li ġarrbu, pereżempju, il-bdiewa f’uċuħ mitlufa. Nappella lill-Gvern biex ikompli din l-għajnuna permezz ta’ fondi nazzjonali sabiex nassiguraw li Malta jkollha l-kapaċità li tipproduċi l-ikel għall-familji tagħna,” qal Agius.

Il-MPE Agius qed jitlob ukoll lill-Gvern biex jiċċara r-raġunijiet għala din l-għotja mill-Kummissjoni Ewropea hi relattivament żgħira u biex issir diskussjoni dwar jekk għandhiex tiġi proposta bidla fir-regolament Ewropew rilevanti.

Fl-istess waqt, Agius qed jikteb formalment lill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Raffaele Fitto biex jitlob kjarifika dwar il-kriterji li ntużaw mill-Kummissjoni biex waslet għal din id-deċiżjoni.

“Qed nitlob lill-Gvern sabiex jiċċara r-raġunijiet tal-għotja relattivament żgħira mill-Kummissjoni Ewropea u biex niddiskutu flimkien bis-serjetà jekk irridux nipproponu bidla fir-Regolament Ewropew konċernat fi Brussell,” qal Agius.

“Fl-istess waqt qed nikteb formalment lill-Viċi President Eżekuttiv Fitto biex jiġu ċċarati wkoll il-kriterji li użat il-Kummissjoni biex waslet għal din id-deċiżjoni, b’mod li dan idawwal l-azzjoni meħtieġa biex ir-Regolament Ewropew ikun aktar adattat għal Malta,” temm jgħid.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'184 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat