Adottata Liġi Ġdida Ewropea tal-Mediċini li bis-saħħa tal-MEP Peter Agius se ġġib aċċess u prezzijiet aħjar għall-mediċini f'Malta

25.11.2026 12:30

Adottata Liġi Ġdida Ewropea tal-Mediċini li bis-saħħa tal-MEP Peter Agius se ġġib aċċess u prezzijiet aħjar għall-mediċini f'Malta

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Proposti mill-Ewroparlamentari Malti se jwessgħu l-aċċess għal fornituri tal-mediċini minn madwar l-Ewropa u jsaħħu l-garanziji tal-provvista għal swieq iżgħar bħal Malta

Strasburgu, 25 ta’ Novembru 2026: Il-pazjenti Maltin mistennija jibbenefikaw minn bidliet importanti fil-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-mediċini, wara li l-Parlament Ewropew ivvota favur il-pakkett leġiżlattiv il-ġdid li jinkludi proposti mressqa mill-MEP Peter Agius.

Il-pakkett, li kiseb l-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew, jinkludi miżuri intiżi biex jindirizzaw id-diffikultajiet li Malta ilha tiffaċċja minħabba n-nuqqas ta’ mediċini, id-disponibbiltà limitata tagħhom u l-prezzijiet għoljin.

Żewġ dispożizzjonijiet ewlenin jirriflettu emendi li Agius kien qed jinsisti fuqhom. L-ewwel waħda tintroduċi kodiċi elettroniku li jipprovdi lill-pazjenti informazzjoni multilingwi dwar il-mediċini tagħhom. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet Maltin responsabbli mill-akkwist tal-mediċini u lill-importaturi jsibu u jakkwistaw mediċini minn madwar l-Unjoni Ewropea, minflok ma jiddependu prinċipalment fuq swieq fejn jintuża l-Ingliż, bħar-Renju Unit u l-Irlanda. B’hekk, se titwessa’ l-għażla tal-fornituri, tiżdied il-kompetizzjoni u potenzjalment tonqos il-pressjoni fuq il-prezzijiet. L-informazzjoni stampata bil-Malti jew bl-Ingliż se tibqa’ disponibbli fuq talba.

It-tieni dispożizzjoni tintroduċi mekkaniżmu li permezz tiegħu Malta tkun tista’ titlob lill-kumpaniji farmaċewtiċi jqiegħdu mediċini fis-suq Malti u jiggarantixxu provvista kontinwa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-pazjenti. Il-kumpaniji li jonqsu milli jissodisfaw dawn it-talbiet fil-perjodu stipulat ta’ tliet snin jistgħu jitilfu ċerti drittijiet ta’ protezzjoni tas-suq u ta’ esklużività f’Malta. Agius sostna ripetutament li ċ-ċokon ta’ Malta u l-iżolament ġeografiku tagħha m’għandhomx iwasslu biex il-pazjenti Maltin ikunu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk f’pajjiżi Ewropej akbar.

Fuq l-istess linja ħadem ukoll il-Gvern Malti fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn insista fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati dawn l-isfidi. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ kif ir-rappreżentanti Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jaħdmu flimkien lejn għanijiet komuni u jwasslu għal riżultati konkreti għall-pajjiż u għall-pazjenti tiegħu.

F’kumment wara l-vot, l-Ewroparlamentari Peter Agius irringrazzja lill-entitajiet tal-Gvern li wkoll ħadmu lejn l-istess għan fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

“Dan tal-llum hu suċċess doppju. L-ewwel nett, għaliex se jkun hemm aktar disponibbiltà ta’ mediċini u prezzijiet aħjar, u t-tieni, għaliex irnexxielna naħdmu b’mod effettiv bejn l-istituzzjonijiet Ewropej sabiex nilħqu għan wieħed komuni, għall-benefiċċju tal-familji Maltin.”

Ir-regoli l-ġodda se jidħlu fis-seħħ b’mod gradwali mill-2028. Agius saħaq li issa huwa importanti li l-awtoritajiet Maltin jibdew it-tħejjijiet meħtieġa biex jiżguraw li dawn il-bidliet leġiżlattivi jwasslu għal benefiċċji tanġibbli għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'185 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat