L-MEP Peter Agius jipproponi kura speċjalizzata bla ħlas fi sptarijiet Ewropej meta l-kura ma tingħatax f’Malta

L-MEP Peter Agius jipproponi kura speċjalizzata bla ħlas fi sptarijiet Ewropej meta l-kura ma tingħatax f’Malta

10.09.2026 14:43

L-MEP Peter Agius jipproponi kura speċjalizzata bla ħlas fi sptarijiet Ewropej meta l-kura ma tingħatax f’Malta

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Agius Peter
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Parlament Ewropew bħalissa qed jiddiskuti reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali, bi proposti biex il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jagħmlu użu akbar minn din il-liġi Ewropea, li tagħti liċ-ċittadini Ewropej aċċess għall-kura tas-saħħa bejn il-fruntieri.

F’dibattitu fil-Kumitat għas-Saħħa Pubblika, l-MEP Peter Agius qal li, filwaqt li d-Direttiva toffri opportunitajiet importanti fit-teorija, fil-prattika ftit li xejn qed tintuża f’Malta. Waħda mir-raġunijiet ewlenin hija li l-pazjenti jista’ jkollhom iħallsu spejjeż għoljin minn buthom qabel ma jingħataw ir-rifużjoni.

Agius spjega li, skont id-data għall-2021, 15-il pazjent Malti biss irċevew kura fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea taħt din id-Direttiva. Dan meta mijiet ta’ pazjenti Maltin jintbagħtu fir-Renju Unit għall-kura bis-saħħa tal-ftehim bilaterali ta’ Malta mal-NHS.

Agius insista li aktar pazjenti Maltin jistgħu jibbenefikaw minn kura speċjalizzata fi Stati Membri oħra jekk l-opportunitajiet disponibbli jkunu magħrufa aħjar u l-proċeduri jsiru aktar sempliċi u aċċessibbli.

“L-isptarijiet fir-Renju Unit taw il-kura lil mijiet ta’ għeżież tagħna, u rridu nkomplu nsaħħu r-relazzjoni eċċellenti tagħna mal-NHS. Iżda s-sħubija fl-Unjoni Ewropea tagħtina wkoll aċċess għal sptarijiet speċjalizzati fis-26 Stat Membru l-ieħor, fejn tingħata kura li tista’ ma tkunx disponibbli f’Malta minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u n-numru limitat ta’ pazjenti.

“Irrid li Malta tagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet li toffri ċ-ċittadinanza Ewropea billi nagħmluha aktar faċli u aktar mgħaġġla għall-pazjenti biex ikollhom aċċess għall-kura fi sptarijiet Ewropej permezz tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali.”

Agius qed iressaq 23 emenda bil-għan li d-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali tkun adattata aħjar għall-bżonnijiet ta’ Malta. Il-proposti tiegħu jinkludu aċċess aħjar għal prodotti mediċinali li bħalissa mhumiex disponibbli f’Malta; il-possibbiltà li pazjent jitlob it-tieni opinjoni meta talba għal kura barra minn Malta tiġi miċħuda; li l-ispejjeż tal-kura barra minn Malta jitħallsu direttament mis-sistema tas-saħħa Maltija minflok mill-pazjent minn butu; il-ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar; kif ukoll it-twessigħ tas-servizzi tas-saħħa koperti mis-sistema nazzjonali għall-kura barra minn Malta.

Id-diskussjonijiet dwar l-emendi ta’ Agius se jkomplu fil-Kumitat għas-Saħħa Pubblika sa Ottubru, filwaqt li vot fil-plenarja tal-Parlament Ewropew huwa mistenni sal-aħħar ta’ din is-sena.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'184 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat