Wasal iż-żmien li l-eks Prim Ministru jiffaċċja l-ġustizzja - Casa

20.10.2022 12:15

Wasal iż-żmien li l-eks Prim Ministru jiffaċċja l-ġustizzja - Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa addressing an event honouring Daphne Caruana Galizia at the European Parliament
Traduzzjoni
Select language:

Il-Parlament Ewropew formalment adotta riżoluzzjoni "li tesprimi tħassib dwar l-impunità mogħtija lil uffiċjali għoljin fl-amministrazzjoni tal-eks Prim Ministru, inkluż l-eks Prim Ministru nnifsu, il-kap tal-istaff tiegħu, u l-eks ministru għat-turiżmu, li qabel kien il-ministru għall-enerġija," b’referenza għal Joseph Muscat, Keith Schembri, u Konrad Mizzi.

Din hija l-aktar pożizzjoni b’saħħitha li ttieħdet kontra l-amministrazzjoni ta’ Muscat, minn mindu il-Parlament Ewropew talab għar-riżenja immedjata tal-eks Prim Ministru fl-2019, u tindika eskalazzjoni fit-ton f’din il-leġiżlatura Ewropea.

Din il-pożizzjoni ttieħdet wara li tħejja Rapport tal-Missjoni tad-Delegazzjoni LIBE f’Malta, li sabet impunità u “evidenza serja u sostanzjata ta’ korruzzjoni”.

L-MEP David Casa qal li f'ħames snin, il-ewro-parlamentari raw "aktar eżempji ta' impunità milli raw kundanni."

“L-ewro-parlamentari esprimew ruħhom b'mod qawwi fid-dibattitu ta' nhar it-Tnejn. Huwa evidenti li qed jitilfu l-fiduċja fil-wegħdiet tal-Gvern Laburista. Hemm baħar jaqsam bejn il-wegħdiet li saru u r-riżultati mogħtija.”

Il-Parlament esprima l-allarm tiegħu “dwar in-nuqqas ta’ progress fil-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus li Daphne Caruana Galizia kienet ilha tinvestiga fil-mument tal-qtil tagħha, li kien jinvolvi suspettati fl-ogħla livelli politiċi.”

Kien il-Grupp tal-PPE li talab dan dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, filwaqt li ħa kont tal-progress li sar, jew kellu jsir, wara ħames snin mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tkompli tagħmel pressjoni fuq il-Gvern Malti, li rreġistrat biss progress għajjien fuq skandli speċifiċi, jiġifieri tal-Pilatus Bank, l-iskandlu Electrogas, u l-Panama Papers.

"L-assassini nqabdu," irrimarka Casa. “Il-Parlament jirrikonoxxi dan. Iżda issa qed jibgħat messaġġ qawwi li wasal iż-żmien li nfittxu ġustizzja għall-politiċi u uffiċjali u r-rwoli li kellhom.

“Huwa tal-mistħija li l-unika darba li naraw ftit progress f’Malta, hu meta nżidu l-iskrutinju fuq il-Gvern Laburista. Imma sakemm tiġi restawrata l-integrità fi ħdan l-istituzzjonijiet Maltin, mhux se nieqaf nitkellem f’isem il-poplu Malti.

“Daphne jistħoqqilha ġustizzja. U l-poplu Malti u Għawdxi jistħoqqlu jgħix f’pajjiż ġust.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'177 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat