Casa jappella għal leave tal-maternità u miżuri biex jitħares id-dritt tal-vot tad-Deputati Maltin

12.11.2026 12:55

Casa jappella għal leave tal-maternità u miżuri biex jitħares id-dritt tal-vot tad-Deputati Maltin

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Voting
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, kiteb lill-Ispeaker Carmelo Abela biex jappella għal diskussjonijiet bejn il-gruppi parlamentari dwar regoli aktar ċari għal-leave tal-maternità u miżuri li jħarsu d-dritt tal-vot tad-Deputati waqt it-tqala u wara t-twelid.

“Li mara ssir omm m’għandux ifisser li titlef l-opportunità li tieħu sehem fid-deċiżjonijiet parlamentari. Għandna nagħmluha aktar faċli għan-nisa biex jgħaqqdu l-maternità mal-ħidma tagħhom fil-ħajja pubblika,” qal Casa.

Filwaqt li l-Ordnijiet Permanenti tal-Parlament Malti jipprovdu għal assenzi approvati, Casa appella għal regoli aktar ċari dwar it-tul tal-leave tal-maternità u l-ħarsien tal-paga tad-Deputati matul dan il-perjodu.

Huwa ppropona wkoll li tiġi kkunsidrata sistema volontarja li tippermetti lid-Deputati jiddelegaw il-vot tagħhom lil Deputat ieħor, fuq il-mudell tar-riforma fil-Parlament Ewropew immexxija mill-President Roberta Metsola. Il-mudell Ewropew jipprovdi biex Deputat tkun tista’ tiddelega l-vot tagħha sa tliet xhur qabel id-data mistennija tat-twelid u għal sitt xhur wara, sakemm ir-riforma tiġi ratifikata u jidħlu fis-seħħ ir-regoli għall-implimentazzjoni tagħha.

Casa talab li jiġi eżaminat jekk sistema simili tistax tiġi introdotta fil-Parlament Malti, fil-qafas tar-regoli parlamentari u kostituzzjonali ta’ Malta, b’garanziji ċari dwar l-awtorizzazzjoni, l-istruzzjonijiet dwar il-vot u t-trasparenza.

“Bħala rapporteur tad-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata, ħdimt biex insaħħaħ l-appoġġ lill-ġenituri u lil dawk li jieħdu ħsieb persuni oħra. Il-parlamenti tagħna għandhom juru l-istess impenn fil-mod kif jorganizzaw il-ħidma tagħhom,” qal Casa.

Huwa stieden lill-Ispeaker biex iressaq din il-kwistjoni quddiem il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, bil-għan li jiġu identifikati l-bidliet possibbli u t-triq 'il quddiem biex dawn jitwettqu fil-prattika.

“Regoli ċari dwar il-leave tal-maternità u sistema li tħares id-dritt tal-vot ikunu passi konkreti lejn Parlament aktar inklużiv. Din hija kwistjoni li għandna nkunu kapaċi naħdmu fuqha flimkien, lil hinn mid-differenzi politiċi.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'185 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat