Casa: Disa’ snin, u għadna bla ġustizzja għal Daphne

Casa: Disa’ snin, u għadna bla ġustizzja għal Daphne

21.10.2026 15:23

Casa: Disa’ snin, u għadna bla ġustizzja għal Daphne

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Casa David
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Casa jżomm lill-Gvern Malti responsabbli għall-fatt li għadha ma saritx ġustizzja u għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, ikkundanna lill-Gvern Malti talli, disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, għadha ma saritx ġustizzja.

Waqt li kien qed jindirizza lill-Parlament Ewropew f’dibattitu dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, Casa ddeskriva l-ħelsien riċenti tal-persuna akkużata li kkummissjonat il-qtil ta’ Daphne bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-ġustizzja u r-responsabbiltà.

“Disa’ snin wara, nixtieq li stajt ngħid lil dan il-Parlament li l-istituzzjonijiet Maltin reġgħu kisbu l-integrità tagħhom. Li dawk li Daphne kixfet il-korruzzjoni u l-abbużi tagħhom tressqu quddiem il-ġustizzja. Li l-persuna li kkummissjonat il-qtil tagħha tinsab il-ħabs. Iżda ma nistax,” qal Casa.

“Huwa inaċċettabbli li għadha ma saritx ġustizzja. L-Istat Malti jrid jerfa’ r-responsabbiltà għal dan in-nuqqas.”

Il-ħelsien seħħ wara proċess li matulu ħarġu allegazzjonijiet serji u inkwetanti, fosthom dwar pjanijiet preċedenti biex tiġi assassinata Daphne u rabtiet inkwetanti bejn interessi kummerċjali u persuni f’pożizzjonijiet ta’ poter politiku. Dawn ir-rivelazzjonijiet qajmu aktar mistoqsijiet dwar il-kultura ta’ impunità li kienet teżisti fiż-żmien tal-assassinju.

Casa fakkar ukoll fil-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika, li sabet li l-Istat Malti kien ħoloq klima ta’ impunità li ffaċilitat l-assassinju ta’ Daphne.

Huwa kkritika lill-Gvern talli ħames snin wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta, għadu jkaxkar saqajh fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha.

“L-inkjesta pubblika identifikat nuqqasijiet serji u stabbiliet x’kellu jinbidel. Iżda ħames snin wara, il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li saru għadhom ma ġewx implimentati. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab mir-responsabbiltajiet tiegħu.”

B’reazzjoni għall-akkuża riċenti tal-Prim Ministru Robert Abela li min iqajjem tħassib dwar Malta fil-Parlament Ewropew ikun qed jagħmel ħsara lill-pajjiż, Casa saħaq li l-ġlieda għall-ġustizzja u biex min hu responsabbli jagħti kont ta’ għemilu hija dmir.

“Li tiddefendi s-saltna tad-dritt mhuwiex attakk fuq Malta. Il-ħsara jagħmluha dawk li jisirqu lill-poplu, jabbużaw mill-poter u jaħsbu li huma ’l fuq mil-liġi.”

Casa wiegħed li se jkompli jinsisti biex dawk responsabbli għall-korruzzjoni li kixfet Daphne, kif ukoll biex dawk involuti fl-assassinju tagħha u fit-tentattivi biex tinħeba l-verità jagħtu kont ta’ għemilhom.

“Mhux se nieqfu niddefendu lill-poplu Malti. Mhux se nieqfu nitolbu li dawk li serqu lill-poplu jagħtu kont ta’ għemilhom. U mhux se nieqfu sakemm issir ġustizzja ma’ Daphne.

“Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu aħjar. Se nkomplu din il-ġlieda sakemm issir ġustizzja.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'185 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat