Casa: Disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne, għad m’hemmx ġustizzja

Casa: Disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne, għad m’hemmx ġustizzja

15.10.2026 12:41

Casa: Disa’ snin wara l-assassinju ta’ Daphne, għad m’hemmx ġustizzja

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Justice for Daphne
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Ewroparlamentari u ġurnalisti jinġabru quddiem il-Parlament Ewropew biex jitolbu li ssir ġustizzja u li min hu responsabbli jagħti kont ta’ għemilu

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, illum mexxa attività fi Brussell biex jitfakkar id-disa’ anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Matul l-attività, Casa tenna l-appell tiegħu biex issir ġustizzja, fid-dawl tal-ħelsien riċenti tal-persuna akkużata bil-kummisjoni tal-qtil.

L-attività, li saret fuq l-Esplanade tal-Parlament Ewropew, ġiet organizzata b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ), il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti (CPJ) u l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM).

Dawk preżenti ngħaqdu biex ifakkru lil Daphne u jesprimu s-solidarjetà tagħhom mal-familja tagħha. Huma żammew kartelluni bir-ritratt ta’ Daphne u bil-messaġġ “9 Snin. Bla Ġustizzja”.

“Għada jagħlqu disa’ snin minn meta Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata għax kixfet il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter. Disa’ snin wara, dawk li wettqu l-qtil tagħha nstabu ħatja, iżda ħadd għadu ma nstab ħati li ordnah,” qal Casa.

“Il-ħelsien riċenti kien daqqa ta’ ħarta oħra għall-familja ta’ Daphne u għal dawk kollha li ilhom jiġġieldu biex issir ġustizzja. L-Istat Malti naqas milli jikseb kundanna kontra min ikkummissjona l-qtil. Dan huwa inaċċettabbli.”

Casa saħaq li l-assassinju ta’ Daphne ma kienx biss traġedja għal Malta, iżda attakk fuq id-demokrazija Ewropea u l-libertà tal-istampa.

“Ġurnalista nqatlet talli għamlet xogħolha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. L-Ewropa ma tistax tagħlaq għajnejha. Ma nistgħux inħallu ż-żmien idgħajjef id-determinazzjoni tagħna li ssir ġustizzja u li dawk responsabbli jagħtu kont ta’ għemilhom.”

Casa tenna s-solidarjetà tiegħu mal-familja ta’ Daphne u faħħar lill-ġurnalisti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għadhom jaħdmu bla heda biex jiddefendu l-libertà tal-istampa u jinsistu li ssir ġustizzja.

“Disa’ snin. Bla ġustizzja. Mhux se nieqfu nitolbuha.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'184 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat