Casa: L-Ewropa trid issaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Casa: L-Ewropa trid issaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

07.10.2026 14:08

Casa: L-Ewropa trid issaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

David Casa MEP
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa, appella biex l-Istrateġija Ewropea l-ġdida kontra l-korruzzjoni twassal għal infurzar serju u konsistenti tar-regoli kontra l-korruzzjoni f’kull Stat Membru.

Waqt intervent fil-Parlament Ewropew, Casa rringrazzja lill-MEP tal-PPE Javier Zarzalejos u lill-kollegi l-oħra li ħadmu fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-Istrateġija li jmiss.

Aktar kmieni din is-sena, Casa mexxa n-negozjati f’isem il-Partit Popolari Ewropew dwar il-liġi Ewropea l-ġdida kontra l-korruzzjoni.

“Mhux biżżejjed ngħaddu liġijiet b’saħħithom. Irridu naraw li jitħaddmu u li jiġu infurzati. U dan irid isir bl-istess serjetà f’kull Stat Membru,” qal Casa.

Casa qal li Malta taf sew x’jiġri meta l-istituzzjonijiet jonqsu milli jagħmlu xogħolhom.

“Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata waqt li kienet qed tinvestiga l-korruzzjoni. Disa’ snin wara, rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Inkjesta Pubblika għadhom ma ġewx implimentati. Il-ħelsien riċenti fil-każ tal-assassinju tagħha reġa’ qajjem mistoqsijiet serji dwar ir-responsabbiltà u l-impunità.”

Casa qal li l-problema mhix limitata għal Malta, u rrefera wkoll għall-iskandli ta’ korruzzjoni li laħqu l-ogħla livelli tal-poter fi Spanja, kif ukoll għal problemi serji fi Stati Membri oħra.

“Għalhekk għandna bżonn azzjoni Ewropea soda u konsistenti. Fejn hemm il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter, ir-regoli jridu japplikaw bl-istess mod.”

“Il-liġi l-ġdida tatna għodod aktar b’saħħithom. Issa rridu naraw li dawn jintużaw kif suppost, kullimkien.”

“L-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jipproteġu liċ-ċittadini, mhux lill-politiċi korrotti u lil min hu kompliċi magħhom. Ħadd m’għandu jkun ’il fuq mil-liġi,” temm jgħid Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'184 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat