Residenti Maltin iressqu petizzjoni kontra id-drenaġġ fil-baħar

01.07.2025 8:40

Residenti Maltin iressqu petizzjoni kontra id-drenaġġ fil-baħar

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Grupp ta’ residenti Maltin u Għawdxin bl-appoġġ tal-għaqda ambjentali Flimkien Għal Ambjent Aħjar (FAA) ħejjew u ffirmaw petizzjoni biex iħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-awtoritajiet Maltin ma jibqgħux jippermettu li jintrema d-drenaġġ fil-baħar bi ksur tad-Direttiva Ewropea dwar it-Trattament tad-Drenaġġ fiż-żoni urbani.

Il-petizzjoni ġiet ppreżentata lill-MEP tal-Partit Nazzjonalista Peter Aguis li waqt konferenza tal-aħbarijiet fix-Xgħajra qal li għan-nom tar-residenti se jkun qed iressaqha fil-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew li tiegħu huwa membru.

Astrid Vella mill-FAA qalet li minkejja li tmien xhur ilu Malta nstabet ħatja mill-Qorti tal-Unjoni Ewropea għall-Ġustizzja li qed tikser il-liġijiet ambjentali, sal-lum xorta għadu qed jintefa’ drenaġġ mhux trattat jew parzjalment trattat fil-baħar mill-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ li hemm il-Mellieħa u x-Xgħajra. Dan qed jaffettwa ż-żoni popolari għall-għawm fil-Qammiegħ u Xgħajra.

Il-petizzjoni tgħid li li d-drenaġġ li qed jintefa’ l-baħar qed ipoġġi f’riskju s-saħħa pubblika u l-ekosistemi marini; li Malta għadha ma ġietx konformi mas-sentenza tal-Qorti Ewropea; li l-Gvern ma tax skeda meta jsir progress u m’hawnx studji kemm l-impjanti huma biżżejjed biex jilqgħu għall-pressjoni mill-iżvilupp żejjed u t-tkabbir fil-popolazzjoni. Ir-residenti qed jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni ħalli l-Gvern Malti jsolvi din il-problema. 

L-MEP Peter Agius qal li baħar nadif m’huwiex lussu; huwa dritt garantit mil-liġi tal-UE. Il-Gvern qed jibqa’ għaddej ikabbar l-ekonomija bl-influss tan-nies u l-iżvilupp fil-bini mingħajr ma jaħseb għall-infrastruttura li hemm bżonn biex tipprovdi s-servizzi meħtieġa.

L-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ huma infrastruttura ta’ prijorità f’pajjiżna. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ammettiet li hemm pressjoni fuq is-sistemi tat-tisfija, iżda din mhix skuża. Il-Gvern għandu l-obbligu li jinvesti sew biex ma nibqgħux ngħarrqu l-ekosistemi b’detriment għas-saħħa u t-tgawdija tal-baħar mill-Maltin u l-Għawdxin. 

Ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg appoġġjat lir-residenti li ressqu l-petizzjoni u qalet li l-ikbar problema hi li l-Gvern ma jridx jirrikonoxxi li għandna problema bid-drenaġġ fil-baħar. Qalet li minkejja li hemm wegħda li ssir estensjoni tal-impjant taċ-Ċumnija, dan s’issa għadu jistenna permess u skont dokumenti uffiċċjali jitlesta fi żmien tliet snin minn meta joħroġ il-permess. Rebekah Borġ qalet li kull ġurnata stennija hija għad-detriment tal-Maltin u l-Għawdxin u tat-turisti li jżuruna.

Peter Agius qal li se jressaq il-petizzjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat u se jiżgura li l-Parlament Ewropew jieħu azzjoni dwarha.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat