Peter Agius jitlob l-UE tindirizza l-piżijiet żejda fuq gżejjer bħal Malta

11.03.2026 8:48

Peter Agius jitlob l-UE tindirizza l-piżijiet żejda fuq gżejjer bħal Malta

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Raffaele Fitto
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:
“L-Unjoni Ewropeja trid tindirizza l-piżijiet żejda fuq gżejjer bħal Malta”, qal l-MEP Peter Agius f’laqgħa mal-Viċi-President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropeja Raffaele Fitto 

Waqt din il-ġimgħa tal-Plenarja fi Strasburgu, l-MEP Peter Agius kellu laqgħa mal-Viċi-President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropeja Raffaele Fitto qabel it-tnehdija tal-Istrateġija tal-Kummissjoni Ewropeja dwar il-Gżejjer.

Waqt il-laqgħa, Agius spjega li filwaqt li Malta tibqa’ wieħed mill-iktar nazzjonijiet favur il-proġett Ewropew, din ir-relazzjoni speċjali qed tittappan għax il-Maltin qed iħossu impatt qawwi u sproporzjonat ta’ numru ta’ inizzjattivi tal-Unjoni Ewropeja, inkluż ir-regolamenti tal-Emissions Trading Scheme li jfissru taxxi għolja fuq it-trasport bl-ajru u bil-baħar.

Waqt li rrefera għal data riċenti li ppreżentaw diversi stakeholders f’Malta, Dr Agius spjega fid-dettal kif dawn ir-regoli Ewropej qed iżidu l-ispejjes fuq il-pajjiż kollu. Rapport riċenti tal-Bank Ċentrali Malti jistma li t-taxxa tal-ETS fuq it-titjiriet minn u lejn Malta se jiswew lill-pajjiż is-somma kbira ta’ €88 miljun fis-sena. Data oħra tal-Forum Marittimu Malti turi li vjaġġ bil-baħar lejn Malta mill-Lvant Imbiegħed qed jiġi jiswa’ €100,000 iktar minn vjaġġ fuq l-istess rotta li jasal f’Port fl-Afrika ta’ Fuq.

Iktar kmieni din is-sena, l-Assoċċjazzjoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trailers (ATTO) ikkwantifikat li ż-żieda fl-ispejjes mit-taxxa ETS hija ta’ €730 għal kull container li jasal f’Malta. Dr Agius enfasizza mal-Kummissarju Ewropew li dawn l-spejjes, fl-aħħar mill-aħħar qed iħallsuhom il-familji Maltin u Għawdxin.

Waqt li wiegħed li se jkompli jimbotta din is-sejħa biex il-kwistjoni tiġi ndirizzata, Dr Agius reġa tenna s-sejħa li għamel flimkien ma’ ħames MEPs oħra, inkluż il-Malti Thomas Bajada (S&D) biex il-Kummissjoni tinkludi “Klawżola dwar il-Ġżejjer” li tindirizza l-impatt sproporzjonat tal-ETS fuq il-gżejjer fl-Unjoni Ewropeja.

Il-Viċi President Fitto qal li l-Kummissjoni Ewropeja lesta tadatta l-politika tagħha għar-realtajiet fil-pajjiżi u impenja ruħu li titwettaq politika ta’ koeżjoni b’saħħitha biex il-popolazzjonijiet li jgħixu fuq gżejjer qatt ma jaqgħu lura .

Fl-aħħarnett, l-MEP Agius irrefera ukoll għat-talbiet ta’ Malta li tuża l-Fond ta’ Solidarjeta’ tal-Unjoni Ewropeja u l-Fond Agrikolu biex tgħin lill-mijiet ta’ ċittadini u l-komunitajiet li intlaqtu ħażin ħafna mill-maltempata Harry fi Frar, inkluż dawn f’Għar Lapsi u Marsaskala.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat