L-MEP Peter Agius jitlob sospensjoni tar-Regolamenti Ewropej dwar l-imballaġġ li qed ixekklu n-negozji żgħar

L-MEP Peter Agius jitlob sospensjoni tar-Regolamenti Ewropej dwar l-imballaġġ li qed ixekklu n-negozji żgħar

31.08.2026 11:29

L-MEP Peter Agius jitlob sospensjoni tar-Regolamenti Ewropej dwar l-imballaġġ li qed ixekklu n-negozji żgħar

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

L-MEP Peter Agius talab lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Jessika Roswall, għal sospensjoni tar-regoli dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (PPWR) li daħlu fis-seħħ fit-12 ta’ Awwissu, għax dawn qed iżidu l-piż burokratiku fuq in-negozji żgħar li jesportaw jew jimpurtaw fis-Suq Uniku Ewropew.

L-MEP Agius spjega lill-Kummissarju Ewropew li rċieva lmenti minn bosta negozji Maltin, artisti u artiġjani li jinsabu mħassba li r-rekwiżiti l-ġodda, li jobbligawhom jirreġistraw f’kull pajjiż tal-UE, se jagħmluha impossibbli għalihom li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn pajjiżi Ewropej oħra.

Filwaqt li jilqa’ l-għanijiet ambjentali tar-Regolament - fosthom it-tnaqqis tal-imballaġġ mhux meħtieġ, il-promozzjoni ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw u titjib fid-disinn tal-imballaġġ - l-MEP Agius saħaq li l-progress ambjentali m’għandux isir għad-detriment tal-kompetittività tal-Ewropa jew tal-għajxien tan-negozji żgħar.

“Ħafna negozji Maltin li jbigħu kwantitajiet żgħar madwar is-Suq Uniku issa qed jiffaċċjaw spejjeż ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jaqbżu l-€200 għal kull Stat Membru, anke meta d-dħul annwali tagħhom minn dan il-kummerċ ikun ferm inqas,” qal Agius.

Agius qed jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi reġim simplifikat ta’ emerġenza, inkluża sospensjoni temporanja tal-obbligu li n-negozjanti jaħtru rappreżentant awtorizzat f’kull Stat Membru.

“Irridu nerġgħu nibnu l-fiduċja fis-Suq Uniku filwaqt li nħarsu l-ambizzjoni ambjentali tal-PPWR. L-Ewropa għandha tagħmilha aktar faċli - mhux aktar diffiċli - għall-iżgħar negozji tagħha biex jinnegozjaw bejn il-fruntieri,” temm jgħid Agius.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'184 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat