L-MEP Peter Agius jinħatar rapporteur dwar ir-riforma fil-European Personnel Selection Office – EPSO

15.10.2025 12:09

L-MEP Peter Agius jinħatar rapporteur dwar ir-riforma fil-European Personnel Selection Office – EPSO

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius MEP

L-MEP Peter Agius sejjaħ għal tibdil fil-mod kif l-Unjoni Ewropeja timpjega l-ħaddiema mal-Istituzzjonijiet Ewropej, inkluż li r-reklutaġġ isir b’iktar lingwi uffiċċjali u li l-eżamijiet għandhom isiru iktar b’mod fiżiku milli online ħalli jkunu evitati iżbalji tekniċi. 

Qed isejjaħ għal dan f’reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew biex issir riforma fl-EPSO, anke wara lmenti minn kandidati  Maltin u  Ewropew oħra li kixfu diversi żbalji tekniċi u anke nuqqas ta’ mmaniġġjar fil-proċeduri preżenti kif isir ir-reklutaġġ mill- European Personnel Selection Office (EPSO).

L-MEP Agius inħatar biex imexxi din ir-riforma għan-nom tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) u qed jimbotta biex tinbidel is-sistema preżenti u terġa lura l-fiduċja fil-proċess ta’ reklutaġġ fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropeja. 

“Karriera fl-UE għandha tkun miftuħa għal kulħadd. Sfortunatament, ħafna qed jaqtgħu qalbhom japplikaw għal xogħol mal-Istituzzjoni Ewropej  għax wara żmien ta’ studju u tħejjija, uħud kellhom l-eżamijiet ikkanċellati, nuqqas ta’ komunikazzjoni xierqa u dewmien bla tmiem biex jieħdu risposta” qal Dr Agius.

 “Jekk irridu l-aqwa talent fl-istituzzjonijiet tal-UE, il-proċess ta’ reklutaġġ irid ikun ġust, trasparenti, u aċċessibbli għal kulħadd.”

Agius ippreżenta sensiela ta’ proposti, fosthom li l-kandidati jingħataw l-għażla kemm li jpoġġu għall-eżami online iżda anke b’mod fiżiku f’ċentri li jkunu akkreditati u approvati apposta. Din il-proposta tiżgura aċċess ugwali għal kulħadd inkluż dawk b’ħiliet limitati fit-teknoloġija tal-informatika u/jew persuni b’diżabilità

Dr Agius enfasizza li l-EPSO għandu jkun mgħammar apposta biex il-kandidati jkunu f’pożizzjoni li jużaw il-lingwa uffiċċjali tal-Unjoni Ewropeja li jixtiequ tul l-istadji kollha tar-reklutaġġ.  “Skont ir-regoli preżenti, il-kandidati Maltin spiss jiġu mfixkla għax ikollhom jagħmlu testijiet tekniċi bil-Malti, meta aħna mdorrijin nitgħallmu l-matematika u suġġetti tekniċi oħra bl-Ingliż. Irrid li l-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-UE joffru livell ugwali għal kull min irid juża l-ħiliet tiegħu għall-ġid ta’ l-Ewropej kollha,” temm jgħid Peter Agius.

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat