MEP Peter Agius jitlob azzjoni dwar l-istandards ambjentali f’Malta f’laqgħa mal-Kummissarju Ewropeja Jessika Roswall

09.07.2025 10:17

MEP Peter Agius jitlob azzjoni dwar l-istandards ambjentali f’Malta f’laqgħa mal-Kummissarju Ewropeja Jessika Roswall

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

MEp Agius with Commissioner Roswall
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Strasburgu, 9 ta’ Lulju 2025 – L-MEP Peter Agius għamel sejħa lill-Kummissjoni Ewropeja biex tiżgura li f’Malta jiġu mplimentati l-istandards kollha ambjnetali u dan fid-dawl tal-fatt li kontinwament qed jinqered l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. 

L-MEP Agius kellu laqgħa mal-Kummissarju Ewropeja għall-Ambjent, ir-Reżiljenza tal-Ilma u l-Ekonomija Ċirkulari Jessika Roswall, u waslilha l-frustrazzjoni tal-ħafna Maltin u Għawdxin li jħossu li qed titnaqqrilhom il-kwalita’ tal-ħajja tagħhom minħabba l-immaniġġjar ħażin tal-ambjenti li jgħixu maqdwarhom. L-Għawdxin u l-Maltin qed ibatu l-konsegwenzi ta’ pjanar ħażin, sistemi li ma jlaħħqux mad-domanda ta’ popolazzjoni dejjem tiżdied, infurzat inadegwat u nuqqas ta’ trasparenza. Dan qed jarawh kontinwament fl-għeluq ta’ diversi bajjiet minħabba drenaġġ mormi l-baħar, il-mod kif se jinbeda inċeneratur, it-trabijiet kbar minn impjanti tal-kostruzzjoni bla pjani ta’ mitigazzjoni.    

“Il-Maltin u l-Għawdxin ħaqqhom igawdu mill-istess drittijiet ambjentali u protezzjonijiet li huma għad-dispożizzjoni taċ-Ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropeja” qal Dr. Agius. “Huwa inaċċettabbli li rridu nserrħu fuq l-azzjonijiet legali minn Brussel biex Malta tikseb ibħra nodfa u siguri. Il-Gvern Malti qed ikompli jinjora kemm it-twissijiet u anke l-azzjonijiet legali mill-Kummissjoni waqt li jċaħħad lill-Maltin u l-Għawdxin mid-drittijiet bażiċi ambjentali f’pajjiżhom stess” 

Il-Kummissjoni Ewropeja diġa fetħet każ kontra Malta dwar drenaġġ mhux trattat fil-baħar. 

Dr. Agius insista li l-familji Maltin u Għawdxin iridu l-istandards li jeżistu f’drittijiet konkreti. "Il-familji tagħna jridu biss bajjiet nodfa. Nappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħin lill-awtoritajiet kollha f’Malta, inkluż permezz ta’ fondi tal-UE mmirati, biex l-istandards għoljin tal-UE jsiru realtà f’Malta."

Il-Kummissarju Roswall qalet: “Ippreżentajna l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma proprju għax nifhmu kemm din il-kwistjoni hija kruċjali—speċjalment għal Stati gżejjer bħal Malta. Din mhux biss ħaġa ta’ infurzar ta’ regoli biss; hija dwar il-protezzjoni tas-saħħa tan-nies u l-futur tagħhom.”

Il-laqgħa trattat ukoll l-iskart mill-agrikoltura fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Malti għadu kif ħareġ sejħa biex jibni impjant għat-trattament tal-demel fiż-Żona Industrijali tal-Magħtab, li mistennija tittratta 300,000 tunnellata fis-sena. “Il-bdiewa jistgħu jkunu sħab fit-trattament tal-iskart, jibbenefikaw mid-dħul u ma jitħallsux aktar spejjeż żejda,” qal l-MPE Agius.

Dr. Agius esprima wkoll t-tħassib tiegħu dwar il-proġett propost tal-Inċineratur fil-Magħtab, li l-impatt ambjentali fuq is-saħħa qed iħasseb bil-bosta lir-residenti tal-madwar. 

F’isem ir-residenti, l-MEP Agius qal li r-residenti fiż-żoni affettwati għandhom jinstemgħu sew qabel ma jsiru proġetti bħal dawn. Huwa talab lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi input tekniku biex tiżgura li l-proġett jikkonforma mal-ogħla standards u garanziji meta jsir il-monitoraġġ tal-emissjonijiet.

Peter Agius rringrazzja lill-Kummissarju Ewropeja u appella li r-rieda politika tagħha għandha ssegwi b’azzjoni soda. “Ma nistgħux inħallu l-istandards ambjentali fuq l-ixkaffa. Il-kwalita’ tal-ħajja taċ-ċittadini, ta’ wliedna, u tal-wirt naturali tagħna huma f’riskju. L-Ewropa tista’ tagħmel aktar billi tgħina u tiżgura li l-istandards għoljin fil-liġijiet tagħna jsiru drittijiet effettivi għaċ-ċittadini”.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat