M’hemmx saltna tad-dritt mingħajr il-prosekuzzjoni ta’ Mizzi, Schembri u Muscat – Casa

01.03.2023 12:38

M’hemmx saltna tad-dritt mingħajr il-prosekuzzjoni ta’ Mizzi, Schembri u Muscat – Casa

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Quaestor David Casa addressing an event honouring Daphne Caruana Galizia at the European Parliament
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

“Il-mod ta’ kif is-saltna tad-dritt f’Malta hija mkejla, għandu jkun il-livell ta’ progress fil-proċeduri ġudizjarji kontra Mizzi, Schembri u Muscat,” saħaq Casa waqt li talab għal monitoraġġ aktar rigoruż mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea.

Casa spjega dak li ħareġ mill-Qorti, fil-każ li nfetaħ minn Adrian Delia, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni, li wassal biex jiġi annullat u mħassar l-akbar kuntratt pubbliku fl-istorja politika f’Malta abbażi ta’ frodi.

Casa qal li waqt l-assessjar dwar is-saltna tad-dritt għandha tingħata l-attenzjoni fuq l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa u l-impunità li qed tingħata lill-uffiċjali tal-Gvern Malti. Huwa kkundanna lill-Gvern Malti talli qed jilgħab logħba kerha bil-wegħda tiegħu għar-riformi bla ma jersaq qrib li jkollna saltna tad-dritt li taħdem.

Casa nnota li għad fadal tħassib dwar in-nuqqas ta’ prosekuzzjoni tal-korruzzjoni, bis-sitwazzjoni li marret għall-agħar minn meta l-Parlament Ewropew indika n-nuqqas ta’ progress dwar l-investigazzjonijiet kontra l-korruzzjoni f’riżoluzzjoni li ġiet approvata b’appoġġ kbir f’Ottubru li għadda.

“Il-poplu Malti u Għawdxi ġie misruq b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro, filwaqt li l-amministrazzjoni tal-Gvern preżenti kompliet tgħaddi miljuni lejn il-kumpanija anke wara li kien ċar ħafna li l-ftehim kien riżultat ta’ korruzzjoni sfrenata”, kompla jgħid Casa lill-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali fi ħdan il-Parlament Ewropew, kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea.

“L-impunità lill-eks uffiċjali għolja tal-istess Gvern trid tieqaf u l-integrità ta’ Malta trid terġa’ tinbena biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun protett mill-kriminali li qarrqu bihom. U sakemm iseħħ dan in-nuqqas ta’ progress għandu jitniżżel għall-finijiet ta’ monitoraġġ tas-saltna tad-dritt,” temm jgħid Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat