Għanda tkun iggarantita midja libera u indipendenti

08.07.2020 10:53

Għanda tkun iggarantita midja libera u indipendenti

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Kwestur David Casa MPE
Traduzzjoni
Select language:

Fid-dawl tal-kundanna riċenti tal-ġurnalisti mill-Filippini Maria Ressa u Reynaldo Santos wara li kixfu l-allegati rabtiet ta’ negozjant lokali ma’ traffikant tad-droga u tal-bnedmin, jien, flimkien ma’ kollegi tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja fil-Parlament Ewropew, ktibt lill-President tal-Filippini Rodrigo Duterte, ninsisti biex jitwaqqgħu dawk l-akkużi bla sens kontra l-ġurnalisti.

Il-qorti lokali ordnat li kull ġurnalist iħallas multi u danni li jitilgħu għal $8,000, b’sentenzi ta’ minimu ta’ 6 xhur u ġurnata għal massimu ta’ 6 snin il-ħabs. 

Il-kundanna ta’ dawn in-nies tibgħat messaġġ ħażin li r-rappurtaġġ li jkun ta’ kritika u ġurnaliżmu investigattiv jista’ jpoġġik f’riskju ta’ ħabs. Il-liġijiet ta’ libell użati f’dan il-każ huma mmirati biex jagħlqu ħalq kull min jesponi jew jikteb dwar atti serji. Dawn it-tattiċi m’għandhom post f’ebda ġurisdizzjoni - kemm lokalment, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fi kwalunkwe pajjiż ieħor. 

Din l-ittra saret wara dikjarazzjonijiet mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u espert indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-libertà tal-espressjoni, li kkundannaw dak li seħħ fil-Filippini. Ressa, bħala editriċi tal-sit tal-aħbarijiet Rappler, qed tiffaċċja mal-100 sena ħabs waqt li qed tiffaċċja seba’ każijiet oħra, f’kampanja orkestrata li jintużaw liġijiet nazzjonali biex jintimidaw il-ġurnalisti. 

F’ittra mibgħuta lill-President Duterta fir-rwol tiegħi ta’ membru tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Midja, jien insistejt biex l-akkużi kontra Maria Ressa u Reynaldo Santos jitwaqqgħu, biex ma jsirux appelli, u biex tkun garantita l-libertà u l-indipendenza tal-midja fil-pajjiż.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat