David Casa jsejjaħ għal kampanja kontra l-bullying iffukata fuq l-isfidi ta’ persuni b’diżabilità intellettwali

24.09.2025 12:22

David Casa jsejjaħ għal kampanja kontra l-bullying iffukata fuq l-isfidi ta’ persuni b’diżabilità intellettwali

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Malti u Kap tad-Delegazzjoni tal-PN, David Casa, llum iltaqa’ ma' grupp ta’ atleti u coaches tas-Special Olympics Malta għal laqgħa ffukata fuq iċ-ċelebrazzjoni tal-kisbiet sportivi tagħhom u fuq it-tisħiħ tal-inklużjoni għal persuni b’diżabilità fl-Unjoni Ewropea.

Casa faħħar lill-atleti għall-impenn u s-suċċess tagħhom, u qal li l-kisbiet tagħhom fl-isport u fil-kompetizzjonijiet internazzjonali “juru l-aqwa ta’ Malta – reżiljenza, għaqda u inklużjoni.”

Wara li sema' l-esperjenzi tal-atleti u l-isfidi li kellhom jegħlbu, Casa qal: “Hemm bżonn kbir ta’ kampanja komprensiva kontra l-bullying li tiffoka b’mod speċifiku fuq l-isfidi li jaffaċċjaw persuni b’diżabilità intellettwali. Ħadd m’għandu jaffaċċja fastidju jew esklużjoni. Irridu nindirizzaw il-bullying direttament, fl-iskejjel tagħna, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunitajiet, sabiex kull persuna b’diżabilità intellettwali tkun tista’ tgħix u tipparteċipa fis-soċjeta' b’dinjità u b’kunfidenza.”

Id-diskussjoni enfasizzat ukoll inizjattivi ewlenin tal-UE biex tappoġġja lill-persuni b’diżabilità, b’mod partikolari l-Karta Ewropea tad-Diżabilità, li se tiggarantixxi r-rikonoxximent tal-istatus tad-diżabilità f’kull Membru Stat.

“Il-Karta tad-Diżabilità hija pass kbir ’il quddiem,” irrimarka Casa. “Se tagħti lill-persuni b’diżabilità l-libertà li jivvjaġġaw b'mod iktar ħieles u jaċċessaw servizzi madwar l-Ewropa mingħajr ostakli.”

Casa enfasizza wkoll li l-investiment kontinwu tal-UE fl-isport inklużiv permezz ta’ programmi bħall-Erasmus+ u l-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+), li huwa nnegozja fl-aħħar leġiżlatura, għandu l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu.

“It-tim tas-Special Olympics Malta jirrifletti l-valuri essenzjali tal-UE ta’ dinjità u ugwaljanza,” ikkonkluda Casa. “Dawn l-atleti huma ambaxxaturi għall-inklużjoni u jfakkruna għalfejn irridu nibqgħu niġġieldu għall-ugwaljanza kullimkien.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat