F’sena waħda, il-PPE biddel viżjoni programmatika f’realtà

03.10.2025

F’sena waħda, il-PPE biddel viżjoni programmatika f’realtà

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

What the EPP wants Europe to do in 2025

Fi żmien ikkaratterizzat minn tentattivi biex jinbnew mill-ġdid imperi skaduti, meta l-forza tidher li tipprevali fuq id-diplomazija, il-kwistjoni tar-rwol li l-Ewropa għandu jkollha hija f’moħħ kulħadd. Huwa ċar li l-indirizzar ta’ dan it-tħassib mhuwiex kompitu faċli, u llum, forsi aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-uffiċjali u l-mexxejja eletti jippreżentaw mhux biss viżjoni reali iżda wkoll pjanijiet ta’ azzjoni konkreti. 

Sena ilu, l-Ewropej tawna mandat ċar, u bagħtu 188 Membru tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ma waqafniex naħdmu, inniedu inizjattivi ġodda li jsaħħu l-ħajja ta’ kuljum tan-nies u jagħmlu lill-UE aktar kapaċi tilqa’ l-isfidi ewlenin. 

Il-PPE qed imexxi l-isforzi tal-Unjoni quddiem l-isfidi globali attwali li qed ikollhom effetti reali fuq iċ-ċittadini tagħna. L-aktar urġenti, id-demokrazija tinsab taħt theddida dejjem akbar. Din hija r-raġuni għaliex il-Grupp tal-PPE kkontribwixxa għat-twettiq ta’ Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media, li se jipproteġi lill-ġurnalisti u jippermettilhom iwettqu l-funzjonijiet ta’ skrutinju b’mod indipendenti fi żmien meta qed jiffaċċjaw riskji akbar għal ħajjithom u għall-għajxien tagħhom. Bis-saħħa tal-Liġi ta’ Daphne - uffiċjalment id-Direttiva kontra s-SLAPP - issa huma protetti minn proċedimenti transfruntiera frivoli. 

Fuq il-front tan-negozju, is-simplifikazzjoni regolatorja hija waħda mill-oqsma vitali li ttaffi l-pressjoni fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li huma pilastru tal-ekonomija tagħna, u fl-aħħar mill-aħħar tnaqqas l-ispejjeż li jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. B’mod ġenerali, il-burokrazija tiswa lill-Ewropa €150 biljun fis-sena – piż eċċessiv, li jinħass l-aktar minn miljuni ta’ negozji, speċjalment SMEs. Il-Grupp tal-PPE ilu snin jiġġieled din il-battalja, u fl-aħħar qed naraw ir-riżultati. Il-Kummissjoni introduċiet inizjattiva ewlenija ta’ simplifikazzjoni regolatorja (Omnibus), li għandha l-għan li tiffranka €6 biljun fi spejjeż diretti. Dan ma jikkonċernax it-tnaqqis tal-isforzi ta’ sostenibbiltà. Iżda fi żmien fejn l-għoli tal-ħajja qed jagħmel pressjoni fuq ħafna familji u ħaddiema, il-mod kif aħna nilqgħu għal dan jrid ikun prammatiku, biex nippreservaw il-progress li għamilna u ninvestu fil-forza tax-xogħol li fuqha niddependu. Neħtieġu għodod irfinati biex nindirizzaw problemi kumplessi. Uħud mid-direttivi li konna qed niddibattu kienu frankament monstri burokratiċi li rriskjaw li jxejnu l-bilanċ li nagħmlu aktar ħsara milli ġid lill-ekonomija tagħna. 

Marbuta mill-qrib mas-simplifikazzjoni, l-istabbiliment ta’ qafas li jappoġġa l-kompetittività kien wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tagħna fl-istadji bikrija ta’ dan it-terminu. Il-Patt għal Industrija Nadifa huwa l-għodda ewlenija tagħna biex imexxi dan għal perjodu fit-tul. Minflok ma huwa biss evoluzzjoni semantika tal-Patt Ekoloġiku, dan il-programm il-ġdid jistabbilixxi l-pedamenti għal rivoluzzjoni Kopernikana vera fl-UE, u jqiegħed il-kompetittività industrijali fiċ-ċentru tal-politiki tagħna għall-ewwel darba. Dan il-pjan ta’ negozju trasformattiv tant meħtieġ għall-industriji intensivi fl-enerġija u għas-settur tat-teknoloġija nadifa jipprovdi aċċess aħjar għall-kapital u għall-enerġija affordabbli, jiżgura l-materja prima kritika, u jaċċellera l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi. Ħdimna wkoll biex nappoġġaw l-industrija awtomobilistika billi niżguraw flessibbiltà akbar fl-ilħuq tal-miri għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet 2025–2027, filwaqt li nevitaw multi dannużi u nżommu l-ambizzjoni klimatika, u billi niżguraw rieżami tal-projbizzjoni fuq il-magni tal-kombustjoni, li issa hija skedata għall-2025. Barra minn hekk, il-kontrolli tal-kompetittività u tal-SMEs issa se jiġu inklużi b’mod sistematiku fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni għall-proposti leġiżlattivi rilevanti kollha. Il-mexxejja tan-negozju jibqgħu jgħidulna matul il-laqgħat tagħna, “Agħtu kasna qabel ma nipproponu liġijiet ġodda.” Smajniehom.

Partit tal-ħaddiema, il-Grupp tal-PPE huwa wkoll il-partit tal-bdiewa u s-sajjieda. Li niżguraw kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tajbin għal dawk li jitimgħuna u jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel tagħna huwa ħsieb ċar. Taħt it-tmexxija tagħna, il-Kummissjoni fl-aħħar ħabbret miżuri konkreti fil-viżjoni tagħha għall-agrikoltura u l-ikel, inkluża Strateġija ta’ Tiġdid Ġenerazzjonali u allinjament aħjar bejn l-istandards tal-produzzjoni tal-UE u dawk applikati għall-importazzjoni. Bis-saħħa tas-simplifikazzjoni tal-PAK, l-azjendi agrikoli żgħar se jingħataw trattament speċjali, l-ispezzjonijiet fuq il-post se jitnaqqsu, u r-regoli dwar il-bwar permanenti se jkunu aktar flessibbli. It-tnaqqis tal-burokrazija li tilqa bidwi kull filgħaxija wara jum twil ta’ xogħol huwa pass ’il quddiem li ilu jintalab mill-professjonisti u mill-Grupp tal-PPE. Qegħdin inwettqu dan. Fil-qasam tas-sajd u l-akkwakultura wkoll, qed jiġu introdotti miżuri ġodda, b’mod partikolari biex jgħinu fil-finanzjament tal-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd, speċjalment is-sajd artiġjanali. Dawn l-isforzi huma fil-qalba tal-Patt dwar l-Oċeani, li kellna rwol ewlieni fit-tiswir tiegħu.

It-tisħiħ tas-sigurtà tal-Ewropa jiddependi wkoll fuq il-kontroll sħiħ tal-fruntieri esterni tagħna u fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Mill-2015 u l-kriżi tal-migrazzjoni bla preċedent, il-Kummissjoni mmexxija mill-PPE kontinwament ipproponiet soluzzjonijiet konkreti biex tindirizza l-urġenza u l-konsegwenzi ta’ din l-isfida. L-adozzjoni finali tal-Patt dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni s-sena l-oħra hija l-pedament ta’ dan l-isforz fit-tul. Issa, bil-Politika l-ġdida dwar ir-Ritorn, qed immorru saħansitra aktar 'il quddiem: proċeduri aktar rapidi u armonizzati, rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn, u obbligi aktar ċari b’konsegwenzi aktar ħorox. Fil-Grupp tal-PPE, aħna nilqgħu din il-proposta u ninsabu lesti li nidħlu f'negozjati iebsa mal-gruppi politiċi l-oħra fil-Parlament Ewropew biex niffinalizzaw test li jkun kemm sod kif ukoll effettiv. Qed jitħejjew proposti oħra, inkluż ir-Regolament dwar Pajjiżi ta’ Oriġini Sikuri u r-reviżjoni tal-kunċett ta’ Pajjiż Terz Sikur. Is-sovranità tal-migrazzjoni teħtieġ solidarjetà soda bejn l-istati Ewropej, u qed naħdmu fuqha kuljum. L-azzjonijiet tagħna qed jagħtu l-frott: il-qsim irregolari tal-fruntieri lejn l-Unjoni Ewropea naqas b’20% fl-ewwel ħames xhur tal-2025. 

It-theddid li qed tiffaċċja l-Ewropa ma jistax ma jiġix indirizzat. L-ostilità ta' Putin u l-interdipendenza ekonomika dejjem aktar użata bħala arma jfissru li rridu naħdmu biex insiru kontinent aktar reżiljenti għall-benefiċċju tal-ħaddiema u l-familji tagħna. Dan ifisser li naħdmu biex l-Ewropa ssir aktar kompetittiva, aktar awtonoma fil-ħtiġijiet tal-enerġija tagħha, u aħjar biex tegħleb t-theddid għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Dwar id-difiża, ħadna passi kbar. Għall-ewwel darba, taħt l-impetu tagħna, il-Kummissjoni ħatret Kummissarju għad-Difiża u ppreżentat il-Programm ReArm Europe, li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kapaċitajiet tagħna u jappoġġa lill-Ukrajna. Barra minn hekk, ħdimna biex insaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-armati nazzjonali u nnaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq, li ddgħajjifna. 

Dan il-mandat leġiżlattiv huwa punt ta’ bidla. Sa tmiem l-2027, aktar minn 200 miljun Ewropew se jkunu vvutaw, u ħafna elezzjonijiet nazzjonali se jkunu kruċjali. Il-futur tal-UE verament jinsab fil-bilanċ, u l-battalja reali mhux se tkun bejn ix-xellug u l-lemin, iżda bejnna u l-estremitajiet. L-Unjoni teħtieġ deċiżjonijiet. Għandna bżonn azzjoni. Neħtieġu tmexxija li tixpruna l-progress.

Sena ilu, il-Grupp tal-PPE għamel wegħda: li tinbena Ewropa li tkun sikura u sigura għaċ-ċittadini tagħha; li tiddefendi l-fruntieri tagħha u lilha nnifisha; li trawwem il-kompetittività u tnaqqas il-burokrazija; u li tappoġġa lill-bdiewa u lis-sajjieda tagħha biex jiżguraw ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli. L-Ewropej appoġġaw bil-kbir dak il-programm, u tawna mandat ċar. F’sena waħda biss, il-Grupp tal-PPE pass pass bidel dik il-viżjoni programmatika fir-realtà Ewropea.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat