Casa jospita konferenza fil-PE dwar il-futur tal-ġurnaliżmu investigattiv

05.11.2025 12:56

Casa jospita konferenza fil-PE dwar il-futur tal-ġurnaliżmu investigattiv

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-President tal-PE Roberta Metsola: Il-Parlament Ewropew dejjem se jkun alleat fid-difiża tal-libertà tal-espressjoni

L-MPE David Casa llum għalaq avveniment li ospita b'mod konġunt fil-Parlament Ewropew bit-titolu "Il-Futur tal-Ġurnaliżmu Investigattiv u Indipendenti fl-Ewropa".

L-avveniment laqqa’ ġurnalisti, attivisti u akkademiċi minn madwar l-Ewropa biex jiddiskutu l-isfidi dejjem jikbru fil-konfront tal-ġurnaliżmu investigattiv u biex iniedu l-Manifest għall-Ġurnaliżmu Sostenibbli.

Il-proġett S-INFO, immexxi minn għaqdiet inklużi Repubblika, Tele Radio City, Context.ro, u S-Com, jippromwovi kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili. Għandu l-għan li jappoġġa l-ġurnaliżmu investigattiv, jiddefendi l-libertà tal-istampa, u jsaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika permezz ta’ prattiċi ta’ media sostenibbli.

Il-President tal-PE Roberta Metsola ndirizzat lill-parteċipi, fejn iddikjarat li "Il-Parlament Ewropew dejjem se jkun alleat fid-difiża tal-libertà tal-espressjoni, fil-protezzjoni ta’ dawk li jirrappurtawha, u fit-tehid ta' azzjoni meta tkun mhedda.

“Dan urejnih fix-xogħol parlamentari tagħna. Kull sena nagħtu l-Premju Daphne Caruana Galizia għal ġurnaliżmu eċċellenti. Waqqafna Kumitat Speċjali dwar it-Tarka Ewropea tad-Demokrazija biex niġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani. U mexxejna t-triq b’inizjattivi kuraġġużi: l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja, u l-liġi ta’ Daphne dwar l-SLAPPs biex inwaqqfu l-każijiet fil-qorti mfassla biex isikktu lill-ġurnalisti u biex jiżguraw li jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr biża’. Se nkomplu naħdmu biex niżguraw li ssir ġustizzja u li d-demokraziji tagħna jibqgħu b’saħħithom."

Fir-rimarki tiegħu, Casa faħħar l-inizjattiva, u ddeskriviha bħala “mudell ta’ kooperazzjoni li oħrajn għandhom isegwu”. Huwa enfasizza l-urġenza li tiġi difiża l-libertà tal-istampa fid-dawl tar-rigressjoni demokratika u t-theddid dejjem jikber għall-ġurnalisti.

“Is-sitwazzjoni tal-midja nbidlet ħafna, kif ukoll it-theddid li jiffaċċjaw il-ġurnalisti,” qal Casa. 

“L-Ewropa għandha tkun minn ta’ quddiem, u tagħti eżempju ta’ demokrazija reżiljenti. Madankollu kullimkien naraw rigress fl-istat tad-dritt u żieda fit-theddid u l-vjolenza kontra l-ġurnalisti.”

Huwa fakkar fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia bħala punt ta' bidla fil-ħidma tiegħu fi ħdan il-Parlament Ewropew, u nnota li filwaqt li nkiseb progress, għad fadal ħafna xi jsir.

“L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media issa huwa realtà. Id-Direttiva Kontra s-SLAPP tagħti lill-ġurnalisti l-għodod biex jiddefendu lilhom infushom. Iżda l-liġijiet waħedhom mhumiex biżżejjed. Dawn għandhom jiġu implimentati u infurzati.”

Casa nnota li l-konsultazzjoni pubblika reċenti ta’ Malta dwar ir-riforma tal-media tenniet ħafna mill-istess prijoritajiet msemmija minn S-INFO u Repubblika, inkluż il-finanzjament sostenibbli, ambjenti tax-xogħol sikuri, pagi u kuntratti ġusti, u investiment akbar fil-media literacy.

Huwa laqa’ wkoll il-Manifest għall-Ġurnaliżmu Sostenibbli, u ddeskrivih bħala “etos għal ambjent dejjem aktar diffiċli, ikkaratterizzat minn polarizzazzjoni, media ownership kkonċentrata, u impunità, li tibqa’ l-akbar theddida għall-ġurnaliżmu investigattiv”.

Casa ospita il-konferenza flimkien mal-MEP Sandro Ruotolo bħala parti mill-Proġett S-INFO, iffinanzjat mill-Programm Ewropa Kreattiva tal-Kummissjoni Ewropea.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat