L-MEP Casa nominat bħala l-Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Midja

08.09.2020 10:01

L-MEP Casa nominat bħala l-Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Midja

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa
Traduzzjoni
Select language:

“Il-ħidma tiegħi se tkompli tiffoka fuq il-protezzjoni tal-ġurnalisti biex ikunu jistgħu jikxfu l-verità”

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa ġie nominat bħala l-ewwel Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew għall-Midja, li hu grupp magħmul minn numru ta’ Membri minn gruppi politiċi differenti li jiffoka biex imexxi ‘l quddiem temi marbuta mal-protezzjoni tal-ġurnalisti. L-MEP Casa hu l-uniku Membru Malti li jifforma parti minn dan il-grupp.

F’reazzjoni għal din il-kariga l-ġdida, l-MEP Casa qal: “Il-Parlament Ewropew għandu rwol kruċjali biex jassigura li l-ġurnalisti fl-Ewropa mhux biss ikunu protetti, imma jingħataw ukoll l-għodod neċessarji biex ikunu jistgħu jinvestigaw u jikxfu l-ħażen. Dan hu r-rwol tal-ġurnalisti f’pajjiż demokratiku, u għandhom ikunu protetti biex jagħmlu proprju dan. Il-Grupp ta’ Ħidma għall-Midja se jkompli jipproponi liġijiet u jżid il-pressjoni biex jassigura li dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak ma jerġax iseħħ.”

Sa minn meta Daphne Caruana Galizia nqatlet f’Ottubru 2017, l-MEP Casa kien fuq quddiem biex jinsisti għal liġijiet ġodda li jipproteġu lill-ġurnalisti f’ħidmiethom, inkluż liġi kontra l-iSLAPP. Proposta oħra li qed jaħdem fuqha l-MEP Casa hi dik ta’ Fond tal-Midja tal-Aħbarijiet - mekkaniżmu permanenti ta’ appoġġ lill-ġurnalisti u kmamar tal-aħbarijiet, xi ħaġa li issa, minħabba l-isfidi finanzjarja li ġabet magħha l-pandemija COVID-19, saret aktar kruċjali.

Matul l-aħħar xhur, permezz tar-rwol tiegħu ta’ Kwestur fil-Bureau tal-Parlament Ewropew, l-MEP Casa kien qed jaħdem fuq il-Premju għall-Ġurnaliżmu Daphne Caruana Galizia, li se jibda jingħata kull sena. Bħalissa, l-MEP Casa qiegħed f’kuntatt mal-Membri l-oħra fit-tmexxija tal-Parlament biex jiffinalizza d-dettalji tal-Premju.

Il-Membri l-oħra tal-Grupp ta’ Ħidma għall-Midja huma l-MEP Ramona Strugariu (Renew) li se tkun Ko-President tal-Grupp ta’ Ħidma flimkien mal-MEP Casa, kif ukoll l-MEP Alice Kuhnke (Greens), l-MEP Dace Melbārde (ECR), l-MEP Irena Joveva (Renew), l-MEP Lucia Ďuriš Nicholsonová (ECR), l-MEP Magdalena Adamowicz (EPP), l-MEP Massimiliano Smeriglio (S&D), l-MEP Stelios Kouloglou (GUE/NGL), u l-MEP Viola von Cramon-Taubadel (Greens).

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat