Bidwi żagħżugħ Malti jirbaħ l- EPP Young Farmers Award fi Brussell

20.11.2025 8:44

Bidwi żagħżugħ Malti jirbaħ l- EPP Young Farmers Award fi Brussell

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Ryan Portelli ġie nnominat għal dan il-premju mill-MEP Peter Agius

Ryan Portelli ta’ 22 sena rebaħ il-kategorija digitali għal-bidwi żagħżugħ tas-sena waqt -il 11 il-Kungress tal-Bdiewa Żgħażagħ organizzat mill-Partit Popolari Ewropew.

Portelli li huwa mir-Rabat Malta, kien innominat għal dan il-premju Ewropew mill-MEP Peter Agius għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett pilota Syneco, kkordinat mill-Inġinier Chris Ciantar. Dan il-proġett jipproponi modi innovattivi ta’ kif mid-demel tal-bhejjem tista’ tiġi rkuprata enerġija jew jinbidel f’fertilizzant b'tisħiħ tas-sinerġiji ambjentali u l-ekonomija ċirkulari.  

Din hi l-ewwel darba li Malti ġie nnominat għal dan il-premju Ewropew. L-MEP Agius qal li nnomina lil Portelli għal dan l-unur prestiġġjuż għax huma mportanti li nirikonoxxu l-irwol sinifikanti tal-bdiewa u r-raħħala biex nilħqu l-miri ambjentali u ntejjbu s-sigurta’ tal-ikel f’Malta.

Il-Kungress li sar fil-Parlament Ewropew fi Brussel infetaħ u ġie ndirizzat mill-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li saħħqet fuq il-bżonn li l-Ewropa tkompli tinkoraġġixxi u tappoġġja bdiewa u raħħala żgħażagħ jimirħu f’dan il-qasam billi tisma’ u tindirizza l-ħtiġijiet tagħhom kemm mil-lat ta’ politika iżda anke ta’ finanzjament.

B’reazjoni għar-rebħa ta’ Portelli, l-MEP Agius qal: “Dan is-suċċess jindika b’mod ċar li l-bdiewa tagħna huma parti miċ-ċavetta għas-soluzzjonijiet meħtieġa biex nipproteġu l-ambjent. Il-proġett Syneco tal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa Malta, li tagħha Ryan hu membru, qed jibdel diffikultajiet f’opportunita’ għal Malta permezz tal-avvanzi fit-teknoloġija. Il-Proġett jinkoraġġixxi koperazzjoni bejn il-bdiewa, il-fornituri tat-teknoloġija u anke riċerkaturi. Irridu niżgurawl li nippromovu proġetti bħal dawn u fl-istess ħin nfasslu politika li tgħin b’mod iktar tanġibbli u aħjar lill-komunita’ agrikola tagħna.”

Ryan Portelli trabba f’familja ta’ bdiewa u l-biedja ilha l-għijxien għall-familtu għal tliet ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-Familja Portelli hi parti mill-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa li hi l-ikbar Koperattiva tal-bdiewa f’Malta.

Waqt li kiseb dan l-unur, Portelli ddiskrivih bħala rebħa għall-komunita’ agrikola Maltija kollha: ‘Huwa ta’ unur kbir għalija li rbaħt dan il-premju li nilqgħu f’isem sħabi l-bdiewa kollha f’Malta. Aħna determinati li nibgħu naħdmu biex naraw il-biedja f’Malta tkompli tikber b’mod sostenibbli. Irrid li proġetti bħal dawn, li jibdew mill-irziezet tagħhna jkomplu jikbru u jiżviluppaw waqt li jsibu s-sostenn ukoll fuq bażi nazzjonali. Irridu ukoll nagħti ċans lill-bdiewa u r-raħħala jadattaw għal dawn ir-realtajiet ġodda li għandna magħna.”

X’inhu l-Proġett Syneco?

Id-demel tal-annimali bħalissa qed jintrema għat-trattament mal-iskart domestiku u dan kontinwament bi ksur ta’ direttivi Ewropew partikolarment l-Urban Wastewater Treatment Directive. Madankollu, dan l-iskart tal-bhejjem għandu potenzjal sinifikanti jekk jiġi proċessat aħjar u jintuża bħala riżorsa.

Biex jinġabar u jkun irkuprat ir-riżorsa bijoloġika mid-demel tal-bhejjem hemm bżonn ta’ soluzzjoni ċirkulari sħiħa. B’hekk permess ta’ fondi Ewropeja, Syneco, minn faċilitajiet f’Ħal Qormi qed joffri raħħala bħal Ryan l-aċċess biex jitrattaw u jipproċessaw l-iskart tal-annimali u minnu jieħdu fertilizzant li mbagħad jikkomerċjalizzawh biex jintuża fl-uċuħ tar-raba’.

L-entrapriżi agrikoli f’Malta huma żgħar wisq u ma jistgħux ikollhom proċessi apposta ddedikati għal dan l-iskop mingħajr is-sapport finanzjarju. Syneco huwa proġett li jippromovi ukoll li jkun setup reġjonali ħalli mhux id-demel kollu tal-annimali f’kull razzett jispiċċa f’żona waħda tal-pajjiż. B’dan il-proġett, il-bdiewa qed jiġu offruti ukoll analiżi tal-ħamrija u l-ilma għar-raba’ tagħhom. Bis-saħħa ta’ app apposta, il-bdiewa qed jiksbu għajnuna kif jiġġeneraw il-fertilizzant u anke kif jużawh. B’dan il-proġett, ir-raħħala qed jirkupraw l-ammonium sulphate solution (ASS) mill-iskart. L-ASS huwa fertilizzant li għandu impatt pożittiv fuq il-produttivita’ agrikola waqt li jħares il-kwalita’ tar-ħamrija u l-ilma tal-pjan.

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat