L-MEP Peter Agius jagħti rendikont tal-ħidma tiegħu f’sentejn ta’ mandat

L-MEP Peter Agius jagħti rendikont tal-ħidma tiegħu f’sentejn ta’ mandat

03.07.2026 13:41

L-MEP Peter Agius jagħti rendikont tal-ħidma tiegħu f’sentejn ta’ mandat

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat stampa
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:
Ressaq 201 emenda u pparteċipa f’negozjati dwar 19-il liġi f’disa’ kumitati differenti fil-Parlament Ewropew

L-MEP Peter Agius ippreżenta rendikont tal-ħidma tiegħu bħala Ewroparlamentari għal Malta u Għawdex wara sentejn mill-bidu tal-mandat tal-MEPs eletti f’Ġunju 2024.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta, Dr Agius spjega kif fl-aħħar 24 xahar ressaq 201 emenda formali għal-liġijiet Ewropej, fosthom biex jinfetħu aktar opportunitajiet għall-programm Erasmus, isiru bidliet fil-fondi tal-kultura biex jibbenefikaw minnhom il-films Maltin, jiġi żgurat użu trasparenti tad-direct orders, jingħataw fondi aħjar lill-young farmers, jiżdiedu l-fondi għal Għawdex u jiġu introdotti miżuri għal mediċini orħos u ġodda f’Malta.

Dawn huma wħud mill-bidliet li wettaq l-MEP Peter Agius permezz tal-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew, fejn kien involut f’negozjati dwar xejn inqas minn 19-il liġi jew riżoluzzjoni differenti. Dr Agius spjega li kull proposta jew emenda li ressaq dejjem qieset l-aħjar interess ta’ Malta u Għawdex, ħafna drabi biex il-liġijiet jirriflettu ċ-ċirkustanzi ġeografiċi u insulari ta’ Malta u biex ma jirrenjax il-prinċipju tal-one size fits all fil-leġiżlazzjoni Ewropea.

L-MEP Agius spjega wkoll kif parti importanti mix-xogħol tiegħu bħala MEP hija li jkun preżenti u jinfluwenza l-liġijiet proposti fil-kumitati tal-Parlament Ewropew, anke fejn ma jkun hemm l-ebda MEP Malti membru ta’ dak il-kumitat. Fil-fatt, l-emendi ta’ Agius ġew innegozjati u ppreżentati f’disa’ kumitati differenti, inklużi kumitati fejn ma hemmx Membri Maltin, bħall-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat tal-Kultura u l-Kumitat għall-Ugwaljanza.

“Il-fatt li qegħdin sitt MEPs Maltin biss ifisser li m’aħniex membri fil-kumitati kollha tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, aħna membri biss f’nofs il-kumitati. Dan jista’ jwassal biex deċiżjonijiet importanti li jolqtu lil Malta jgħaddu mingħajr ma nkunu biddilniehom kif meħtieġ. Għalhekk qed niddedika parti mill-enerġija tiegħi biex insegwi l-ħidma ta’ diversi kumitati anke fejn jiena ma nkunx membru,” qal Dr Agius.

Dr Agius qal ukoll li parti importanti minn xogħolu bħala MEP hija li jantiċipa minn qabel ċerti deċiżjonijiet li jkunu qed jinħmew fil-livell Ewropew sabiex is-setturi interessati f’Malta jkunu jistgħu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar dawk il-proposti.

“Ma nistgħux nirrappreżentaw lin-nies jekk ma nisimgħux l-ewwel x’iridu fl-oqsma partikolari,” qal l-MEP Agius.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'185 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat