Metsola fdata bil-Kumitat tal-Ambjent: “Għandna bżonn deċiżjonijiet kuraġġużi u liġijiet b’saħħithom”

19.07.2019 10:07

Metsola fdata bil-Kumitat tal-Ambjent: “Għandna bżonn deċiżjonijiet kuraġġużi u liġijiet b’saħħithom”

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Video picture
Traduzzjoni
Select language:

Matul din il-leġiżlatura, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Roberta Metsola se tkun qed tifforma parti mill-Kumitat dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel. Filwaqt li dejjem kienet titkellem dwar temi ambjentali, din hi l-ewwel darba li l-Membru tal-Parlament Ewropew għal Malta u Għawdex Roberta Metsola se jkollha rwol daqshekk attiv fil-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent.

Filwaqt li esprimiet sodisfazzjon għal dan ir-rwol ġdid, l-MEP Metsola qalet: “Il-ħames snin li ġejjin se jkunu kruċjali għalina biex nassiguraw li tidħol fis-seħħ liġi ambjentali b’saħħitha. Fl-2024, inkunu tard wisq. Hemm bżonn li nieħdu azzjoni issa.” Metsola spjegat li fi ħdan il-Kumitat tal-Ambjent, hi se tiffoka fuq tliet prijoritajiet: it-tnaqqis tal-użu tal-plastik, it-titjib tal-kwalità tal-arja, kif ukoll deċiżjonijiet importanti li jridu jittieħdu biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima.

“Aktar kmieni din is-sena, ħadna deċiżjonijiet b’saħħithom biex jitwaqqaf l-użu ta’ plastik li jintuża darba biss. Issa, wasal iż-żmien li ninnegozjaw liġijiet aktar b’saħħithom biex nassiguraw li l-ġenerazzjoni li jmiss ma jkollhiex aktar plastik milli ħut fl-oċeani. Aħna l-aħħar ġenerazzjoni li nistgħu nieħdu dawn id-deċiżjonijiet, u jien se nagħmel dak kollu possibbli biex nassigura li mhux biss jiġu approvati regoli ġodda, imma jkunu wkoll implimentati.”

L-MEP Metsola irreferiet ukoll għal dak li qalet il-President-eletta tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fid-diskors tagħha aktar kmieni din il-ġimgħa fi Strasburgu, li matulu emfasizzat il-bżonn ta’ regoli drastiċi biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima. “L-istati membri ma jistgħux jindirizzaw il-klima weħidhom. Mhux biss għandna bżonn li din tkun indirizzata b’mod komuni, iżda għandu jkun hemm ukoll rieda komuni. Saru ħafna diskussjonijiet, dibattiti u ftehim. Issa wasal iż-żmien biex dak li ġie deċiż, jidħol fis-seħħ. Il-Parlament Ewropew se jassigura li dan iseħħ.”

Minbarra rwol attiv fil-Kumitat ENVI, l-MEP Metsola ġiet eletta wkoll bħala l-Koordinatriċi tal-Grupp tal-PPE fil-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, li jiffoka fuq temi u liġijiet b’rabta mas-sigurtà, l-immigrazzjoni, s-saltna tad-dritt u t-terroriżmu. Hi ntgħażlet ukoll biex tkun parti mid-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, kif ukoll dik għar-relazzjonijiet mal-Ġappun.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat