Casa jitlob mandat lill-Kummissjoni Venezja tinvestiga ċ-ċaħda għall-inkestja ta' Sofia

14.04.2023 11:45

Casa jitlob mandat lill-Kummissjoni Venezja tinvestiga ċ-ċaħda għall-inkestja ta' Sofia

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

L-MEP David Casa ħeġġeġ lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) biex iqajjem din il-kwistjoni fl-Assemblea, u jagħti mandat ta’ investigazzjoni dwar iċ-ċaħda tal-Gvern Malti li jniedi inkjesta pubblika indipendenti dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia. 

Casa stqarr li “Peress li l-istituzzjonijiet indipendenti naqqsu milli jiżguraw il-konformità tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, hija allura f’idejn l-Assemblea Parlamentari sabiex tissorvelja l-gvernijiet tal-Istati Membri għall-konformità tagħhom mal-Konvenzjoni”. 

Casa ħeġġeġ lill-PACE biex tagħti mandat lill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi (Kummissjoni ta’ Venezja) ħalli tinvestiga n-nuqqas persistenti tal-Gvern Malti li jimxi mal-obbligi internazzjonali tiegħu, għad-detriment taċ-ċittadini tiegħu.

“Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tiggarantixxi d-dritt, fuq kollox, għall-ħajja. Meta l-ħajja ta’ persuna tittieħed jew tintilef, l-istat għandu obbligi li jwettaq investigazzjoni effettiva dwar il-mewt ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu,” spjega Casa.

Iċ-ċaħda ta’ inkjesta pubblika indipendenti għal Jean Paul Sofia, ma kienx każ iżolat, stqarr Casa, hekk kif rrefera għall-kampanja twila internazzjonali biex tiġi żgurata inkjesta pubblika indipendenti għal Daphne Caruana Galizia.

"Sforz bħal dan m'għandux ikun meħtieġ kull darba." Casa sostna li “hemm raġunijiet konvinċenti għal inkjesta indipendenti u pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

"Ommu jistħoqqilha l-paċi."

"Jistħoqqilha tkun taf preċiżament għaliex binha m'għadux magħna, x'wassal għall-mewt tiegħu, jekk inkisrux ir-regolamenti li kienu maħsuba biex iżommuh sikur, u jekk l-individwi humiex responsabbli li jwieġbu għat-telf ta' binha."

"Il-familjari ta’ dawk li ħallewna f’ċirkostanzi bħal dawn f'Malta, għandhom ikunu protetti mill-Konvenzjoni," kkonkluda Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat