Rapport tal-PE mitlub mill-MEP Peter Agius jirrakomanda 13-il azzjoni biex jonqos it-tniġġis mill-istorbju f’Malta

24.02.2026 14:51

Rapport tal-PE mitlub mill-MEP Peter Agius jirrakomanda 13-il azzjoni biex jonqos it-tniġġis mill-istorbju f’Malta

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-probema reali tal-istorbju f’Malta ġiet skrutinizzata b’mod dettaljat f’rapport speċjali mħejji mis-Citizens Policy Department tal-Parlament Ewropew, ikkummissjonat mill-MEP Peter Agius fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Ir-rapport jidħol fid-dettal tal-impatti sinifikanti tal-istorbju fuq is-saħħa, filwaqt li jsejjaħ għal azzjoni biex jiġu indirizzati s-sorsi tan-noise pollution li jaqgħu barra mid-Direttiva tal-UE dwar l-Istorbju.

L-istudju jikkonferma li l-Maltin huma esposti għal livelli ta’ storbju meqjusa ta’ ħsara għas-saħħa, primarjament mill-kostruzzjoni u mill-industrija tad-divertiment, iżda wkoll mit-traffiku fit-toroq u anke mill-ajruplani. 

L-istorbju huwa rikonoxxut madwar l-Ewropa bħala t-tieni l-aktar riskju ambjentali sinifikanti għas-saħħa wara t-tniġġis tal-arja. Ir-rapport jgħid li dawn ir-riskji huma aktar intensi f’Malta minħabba d-densità għolja tal-popolazzjoni u l-ispazju limitat għal mitigazzjoni ladarba jkun sar l-iżvilupp.

Fost 13-il rakkomandazzjoni dettaljata, l-istudju jħeġġeġ biex Malta żżid il-monitoraġġ u tinkludi studji dwar l-impatt tal-istorbju minn sorsi bħall-kostruzzjoni u d-divertiment, u ddaħħal fis-seħħ limiti fuq il-ħsejjes għall-istabbilimenti tad-divertiment billi tapplika regoli b’saħħithom simili għal dawk li jeżistu kontra l-emissjonijiet industrijali. 

Ir-rapport jirrakkomanda wkoll l-użu aħjar tal-għodod tal-ippjanar u jkun hemm iktar valutazzjonijiet ambjentali;  aċċess itjeb għall-informazzjoni dwar l-istorbju għall-pubbliku, u l-ħolqien ta’ korp nazzjonali ddedikat biex jikkoordina l-politika dwar l-istorbju.

“Dan l-istudju jikkonferma dak li ħafna familji f’Malta ilhom jgħidu għal snin sħaħ: l-istorbju mhuwiex inkonvenjent żgħir, huwa kwistjoni reali ta’ saħħa pubblika,” qal Peter Agius. “Fil-Parlament Ewropew tajt vuċi lin-nies iressqu l-inkwiet tagħhom dwar l-istorbju u bis-saħħa tagħhom irrid inpoġġi in-noise pollution fuq l-aġenda, kemm lokali u anke Ewropea. Irrid niżgura li t-tniġġis mill-istorbju jittieħed bis-serjetà u li jiġu kkunsidrati miżuri ta’ monitoraġġ u tnaqqis tal-istorbju. Issa l-enfasi trid tkun fuq azzjoni effettiva, sabiex ir-residenti finalment ikunu jistgħu jgawdu ambjent aktar b’saħħtu u inqas storbjuż.”
 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat