Peter Agius waqt s-Summit tas-Saħħa: ‘Għandna bżonn azzjoni akbar mill-UE biex nindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa fl-Ewropa’

05.11.2025 11:10

Peter Agius waqt s-Summit tas-Saħħa: ‘Għandna bżonn azzjoni akbar mill-UE biex nindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa fl-Ewropa’

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-MEP Peter Agius indirizza l-European Health Summit organizzat mill-Parlament fi Brussell ilbieraħ. Dr Agius, li hu membru fil-Kumitat tas-Saħħa tal-Parlament Ewropew, iffoka l-intervent tiegħu fuq il-bżonn ta’ azzjoni aktar ikkoordinata mill-UE biex jiġu indirizzati d-differenzi fil-kura tas-saħħa madwar l-Unjoni Ewropea.

“Jiena ġej minn Malta fejn għandna kura tas-saħħa eċċellenti għall-aktar tipi komuni ta’ kanċer bħall-kanċer tas-sider; iżda sfortunatament għandna rati ta’ mwiet doppji għall-kanċers rari fejn huwa diffiċli tinkiseb l-aħjar teknoloġija u kompetenza għal popolazzjoni żgħira. Hawnhekk irrid li l-Ewropa tagħmel differenza. Irridu nagħmlu użu aħjar mill-għajnuna fil-kura li teżisti fil-pajjiżi u mill-finanzjament tal-UE għar-riċerka sabiex niżguraw li l-politika tal-UE tilħaq lill-pazjenti Maltin meta verament ikollhom bżonnha,” qal l-MEP Peter Agius fl-intervent tiegħu.

Is-Summit Ewropew tas-Saħħa jiġbor flimkien dawk li jfasslu l-politika, mexxejja industrijali u esperti dwar l-akbar sfidi fis-settur tas-saħħa u l-kura soċjali. L-MEP Peter Agius ipparteċipa f’sessjoni ddedikata għas-Saħħa Kardjovaskulari li issa se tkun suġġett għal Pjan ġdid tal-UE għas-Saħħa Kardjovaskulari li għandu jitnieda sa tmiem din is-sena.

Il-mard tal-qalb huwa l-aktar li jikkaważa mwiet f’Malta u fl-Ewropa, b’1,230 mewt f’Malta fl-2022 biss. Dan jirrappreżentaw 29.5% tal-imwiet kollha attribwiti għal problemi tal-qalb u taċ-ċirkolazzjoni. Fid-diskors tiegħu, Dr Peter Agius tenna kif l-Unjoni Ewropea tista’ toffri valur miżjud għall-ħidma tajba li qed issir fil-livell tal-Istati Membri billi tgħaqqad id-deċiżjonijiet politiċi differenti bi skop komuni li jwassal għal stili ta’ ħajja aktar b’saħħithom.

“Wieħed minn kull tlieta Ewropej imut minn mard tal-qalb. Irridu nindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-maġġoranza tal-komplikazzjonijiet kardjovaskulari: l-ikel u l-istil ta’ ħajja. Huwa tal-mistħija li għadna ‘l bogħod ħafna mill-miri ddikjarati tal-UE biex jitnaqqas il-konsum tat-tabakk u l-alkoħol. Għadna ‘l bogħod milli nqanqlu bidliet sinifikanti fl-istil ta’ ħajja biex jonqsu l-obeżità u d-dijabete li jibqgħu fatturi kontribwenti sinifikanti għall-mard tal-qalb,” qal Dr Agius.

MEP Agius wiegħed li fir-rwol tiegħu bħala MEP fil-Kumitat tas-Saħħa, se jimbotta għal strateġija tal-Unjoni li tagħti prijorità lil azzjonijiet konkreti li jwasslu għal titjib tanġibbli fl-isptarijiet u fil-komunitajiet tagħna, akkumpanjati minn investimenti finanzjarji serji fil-baġit tal-UE li jmiss (MFF).

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat