Peter Agius iressaq proposti fl-Ewropa biex titjieb is-sitwazzjoni tal-mediċini f’Malta

07.10.2025 18:07

Peter Agius iressaq proposti fl-Ewropa biex titjieb is-sitwazzjoni tal-mediċini f’Malta

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Peter Agius MEP

L-MEP Peter Agius ressaq sensiela ta’ proposti fil-Parlament Ewropew bil-għan li jindirizzaw il-problema persistenti f’Malta tal-mediċini li jispiċċaw out of stock jew li jkollhom prezzijiet għoljin.

“Ħafna familji f’Malta jsemmulek problemi kontinwi ta’ mediċini bi prezzijiet għoljin jew out of stock. Parti mill-problema ġejja mid-diffikultajiet tal-importaturi u l-gvern biex jakkwistaw il-mediċini. Għalhekk bħala MEP fuq il-kumitat tas-saħħa ħadt azzjoni permezz ta’ emendi li ressaqt għal-liġijiet Ewropej,” qal Dr Agius 

L-MEP Peter Agius ressaq emendi għal proposti tal-Unjoni Ewropea fuq il-mediċini li qed jiġu negozjati fil-Parlament Ewropew b’enfasi fuq it-titjib tal-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini madwar l-Istati Membri.

Fost l-emendi mressqa minn Peter Agius hemm il-proposta ta’ ‘joint public procurement’ li tippermetti li tlett pajjiżi Ewropej jingħaqdu u jixtru mediċini flimkien bl-għajnuna diretta tal-Kummissjoni Ewropea. Dan mistenni jtejjeb il-prezzijiet għax jinxtraw kwantitajiet akbar.

Agius qed jimbotta wkoll għal sistema ta’ QR code li tidħol fuq il-pakketti ta’ mediċini u li tagħti aċċess għall-informazzjoni kollha b’mod elettroniku bil-Malti u bl-Ingliż. B’dan il-QR code Malta tkun tista’ timporta mediċini mill-Ewropa kollha minflok ma tkun ristretta għall-pajjiżi li jużaw l-Ingliż.

Barra minn hekk, l-MEP Agius qed jipproponi estensjoni ta’ deroga eżistenti biex l-importaturi Maltin ikunu jistgħu jkomplu jixtru mediċini mir-Renju Unit wara l-Brexit. Din il-miżura tiggarantixxi aċċess kontinwu għal mediċini li diġà għandhom tikketti bl-Ingliż, u tevita nuqqasijiet jew dewmien bla bżonn.

“Dawn il-proposti għandhom l-għan li jassiguraw li l-familji Maltin ikollhom aċċess sigur u affordabbli għall-mediċini li għandhom bżonn,” tenna Agius. “Għandna nużaw is-saħħa kollettiva tal-Ewropa biex negħlbu l-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati Membri żgħar bħalma hi Malta.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat