Petizzjoni tar-residenti biex jitwaqqaf id-drenaġġ fl-ibħra Maltin ser tinstema fil-Parlament Ewropew

08.12.2025 7:39

Petizzjoni tar-residenti biex jitwaqqaf id-drenaġġ fl-ibħra Maltin ser tinstema fil-Parlament Ewropew

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Filmat picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-petizzjoni mistennija tinstema' f'Marzu li ġej

L-ilment ta’ ħafna Maltin li jħobbu l-baħar u tal-komunitajiet kostali li qed isofru mid-drenaġġ fil-bajjiet se jinstema' fil-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla.

Dan tħabbar mill-MEP Peter Agius, Viċi Koordinatur fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fi stqarrija lill-midja lokali.

“Dħalna l-UE biex ngħollu l-istandards tagħna. Il-familji tagħna għandhom id-dritt li jgawdu ibħra nodfa madwar Malta u Għawdex. Ma nistgħux naċċettaw li d-drenaġġ mhux trattat qed jintrema fl-ibħra sbieħ tagħna minn impjanti tat-trattament fil-Mellieħa, ix-Xgħajra u Għajnsielem. Dan ġie kkonfermat f’kawża fil-qorti f’Ottubru tas-sena l-oħra, iżda l-problema għadha ma ġietx solvuta. Is-sajf li għadda kellna kriżi tad-drenaġġ f’10 bajjiet. Wasal iż-żmien li nqajmu l-vuċi taċ-ċittadini fl-Ewropa għal soluzzjoni definittiva u ibħra nodfa,” qal l-MEP Agius.

Il-petizzjoni tressqet aktar kmieni din is-sena minn grupp ta' residenti mmexxija mill-NGO ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar.

B’reazzjoni għall-aħbar, il-koordinatur tal-FAA Astrid Vella qalet li l-FAA se tkompli tiġġieled għal ambjent aktar nadif li għandu jitgawda mill-poplu Malti kollu. Il-poplu għandu dritt għal dan.  

Il-petizzjoni hija mistennija li tinstema' f'Marzu tas-sena d-dieħla, meta l-Membri tal-PE se jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tieħu pożizzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali u tressaq soluzzjonijiet konkreti urġenti għall-kriżijiet tad-drenaġġ ta' Malta.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat