“Irridu nużaw l-għodod kollha li għandna biex nirbħu lill-COVID-19" l-MEP David Casa

27.03.2020 8:44

“Irridu nużaw l-għodod kollha li għandna biex nirbħu lill-COVID-19" l-MEP David Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
MEP David Casa
Traduzzjoni
Select language:

“Id-demokrazija ma tistax tkun sospiża. Irridu naħdmu aktar minn qatt qabel biex nassiguraw li nagħtu l-aqwa u l-aktar rispons effettiv għal din il-kriżi. Bħala Membru tal-Bureau tal-Parlament Ewropew, jien kommess li nsibu metodi ta’ kif nassiguraw li l-ħidma tagħna tkompli bl-istess ritmu, filwaqt li nieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex nipproteġu lill-MEPs, lill-ħaddiema u lill-kostitwenti.”

Bħala Kwestur tal-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa jifforma parti mill-Bureau tal-Parlament Ewropew. Casa qal:

“Diġa vvutajna fuq numru ta’ miżuri urġenti biex nallokaw fondi lill-istati membri biex ikunu jistgħu jiġġieldu kontra l-COVID-19, u biex insaħħu l-mod kif l-istrumenti tal-UE jistgħu jintużaw f’din il-ġlieda. Issospendejna wkoll r-regola li twassal biex linji tal-ajru li ma jużawx slots fl-ajruport, jkunu qed jitilfu dawk l-istess slots.”

David Casa hu n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew għall-ESF+ (il-Fond Soċjali Ewropew), li hu l-istrument finanzjarju ewlieni tal-UE biex isaħħaħ id-dimensjoni soċjali u li jpoġġi fil-prattika l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

“Approvajna wkoll metodu biex ir-riżorsi tal-ESF li ma ntużawx f’dan il-perjodu finanzjarju, jintużaw biex jkunu ta’ appoġġ għall-istati membri. Imma rridu wkoll li nagħmlu dak kollu possibbli biex nassiguraw li l-ESF+ tal-perjodu finanzjarju li jmiss, li jidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla, jkun armat biex jindirizza din ir-realtà ġdida, u jassigura li jkun hemm biżżejjed flus u li jintużaw b’mod effiċjenti.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat