Casa jikseb €55 Miljun għal Malta mill-Fond Soċjali għall-Klima

26.01.2023 11:00

Casa jikseb €55 Miljun għal Malta mill-Fond Soċjali għall-Klima

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa
Traduzzjoni
Select language:

Casa jassigura żieda ta’ 10 darbiet ta’ fondi

Iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin se jkunu qed jibbenefikaw minn żieda ta’ għaxar darbiet ta’ fondi mill-ftehim proviżorju għall-Fond Soċjali għall-Klima, parti importanti mill-pakkett leġislattiv għall-klima.

Tul din l-aħħar sena, David Casa kien qed imexxi n-negozjati għall-Fond Soċjali għall-Klima.

Taħt il-proposta oriġinali, Malta kellha tirċievi €5 miljun f’fondi Ewropej. Iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jistgħu jistennew li jibbenefikaw minn ammont li jiżboq il-€55 miljun mill-Fond Soċjali għall-Klima, li jinkludi l-ko-finanzjament nazzjonali.

“Nemmen li kien hemm każ b’saħħtu favur Malta u kuntent li lħaqt dan ir-riżultat”, saħaq Casa.

Kif inhu bħalissa, il-Fond Soċjali għall-Klima se jkun iffinanzjat mid-dħul iġġenerat mill-politika ewlenija tal-Unjoni Ewropea għall-klima. Il-miżuri f’dan il-fond se jiġu ffinanzjati fil-biċċa l-kbira tagħhom minn fondi Ewropej, b’rata minima għall-ko-finanzjament mill-istati membri.

Il-ftehim proviżorju issa jrid jiġi kkonfermat b’vot fil-Parlament Ewropew.

Casa rringrazzja il-Gvern Malti għall-isforz koordinat li għen biex jiġi żgurat il-ftehim, b’mod partikulari faħħar l-istaff tar-Rappreżentanza Permanenti għall-Unjoni Ewropea għall-professjonalità tagħhom.

“L-idea tal-Fond hija li jbaxxi l-kontijiet tal-enerġija u li nwaqqfu kemm jista’ jkun l-użu tal-fjuwils fossili. Dawn nistgħu naslu għalihom kemm billi ninvestu fl-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll fl-enerġija rinnovabbli. Bil-Fond Soċjali għall-Klima rrid nara l-investimenti jaslu għand iċ-ċittadini b’aktar pannelli solari, apparat aktar effiċjenti, insulazzjoni aħjar, u alternattivi elettriċi għat-trasport.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat