Casa f'Londra ma’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

08.11.2022 12:28

Casa f'Londra ma’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa
Traduzzjoni
Select language:

L-MEP David Casa jinsab Londra għat-tieni Assemblea Parlamentari bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit (PPA).

Westminster qed tospita l-Assemblea għall-ewwel darba mill-bidu tagħha, wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

"L-Assemblea hija l-aħjar mod biex ir-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit tkun aktar demokratika," qal Casa. “Filwaqt li r-Renju Unit għadda minn mumenti diffiċli fix-xena politika tiegħu, għad hemm mistoqsijiet mhux imwieġba li huma rilevanti ħafna għaċ-ċittadini Maltin li jgħixu fir-Renju Unit. Dawn il-kwistjonijiet jixraqilhom l-attenzjoni tagħna.”

Fost il-kwistjonijiet li jridu jiġu diskussi, hemm il-kooperazzjoni fl-enerġija u r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, partikolarment id-drittijiet taċ-ċittadini. L-Assemblea se tiddiskuti l-kooperazzjoni futura tagħha mal-parlamenti reġjonali tar-Renju Unit u mas-soċjetà ċivili, sabiex tirrappreżenta l-aħjar l-interessi taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-UE.

“Hemm kwistjonijiet kbar x’niddiskutu, mill-enerġija għall-kummerċ. Imma rridu nżommu liċ-ċittadini tagħna fil-qalba ta’ kull dibattitu”.

“Malta għandha rabtiet sodi mar-Renju Unit. Hemm dawk li għandhom membri tal-familja li jgħixu fir-Renju Unit, studenti u professjonisti żgħażagħ, u dawk li għaddejjin bil-ħidma tagħhom f'firxa ta' industriji, speċjalment dik tal-arti. Fost il-kumplessitajiet tal-Brexit, qed infittxu li nsibu soluzzjonijiet.”

Casa huwa l-uniku ewroparlamentari Malti f’din l-Assemblea Parlamentari konġunta.

L-assemblea parlamentari konġunta nħolqot bħala parti mill-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni (TCA) bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit. Hija magħmula minn 70 MPE u MP mill-House of Commons u tiltaqa' darbtejn fis-sena. L-ewwel laqgħa saret fi Brussell f’Mejju li għadda.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat