"Nistennew li Robert Abela jieħu azzjoni" - MPE tal-PN

28.01.2020 11:58

"Nistennew li Robert Abela jieħu azzjoni" - MPE tal-PN

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Roberta Metsola, Head of the PN Delegation and David Casa, Quaestor of the European Parliament
Traduzzjoni
Select language:

Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista nsistew mal-Prim Ministru Robert Abela biex iżomm kellmitu u jieħu azzjoni fuq il-lista, li ma tintemm qatt, ta' każijiet ta' korruzzjoni li seħħew taħt l-gvern ta' Joseph Muscat, kif ukoll biex jiżgura li l-ġustizzja iseħħ fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Id-delegazzjoni tal-PN iltaqgħet mal-PM Abela waqt laqgħa fil-Parlament Ewropew.

Roberta Metsola, Kap tad-Delegazzjoni tal-PN u David Casa, Kwestur tal-Parlament Ewropew, iltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela fi Brussell. Matul il-laqgħa, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista għamluha ċara li deċiżjonijiet konkreti u iebsa kellhom jittieħdu minnufih.

Il-MPE qalu li "Robert Abela ġie elett bħala Prim Ministru ġdid f'sitwazzjoni abnormali, fejn Joseph Muscat kien kostrett jirriżenja minħabba l-allegat involviment tal-uffiċċju tiegħu fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Dawn l-ewwel ftit jiem ta' Robert Abela fil-kariga tiegħu m'għandhomx ikunu normali qisu qatt ma ġara xejn, iżda hu għandu jiżgura li d-deċiżjonijiet kollha żbaljati meħuda mill-predeċessur tiegħu mhux biss jiġu emendati, iżda wkoll jiżgura li dawk kollha involuti fil-korruzzjoni jitressqu quddiem il-ġustizzja. "

David Casa qal: "Jekk Robert Abela jrid jittieħed bis-serjetà, hemm azzjonijiet ċari u li ilhom imissu ttieħdu u li Abela għandu jieħu:

1. Il-politiċi involuti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja. Fost dawn hemm Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll lil Joseph Muscat.

2. Il-kuntratti korrotti għandhom jitwaqqfu, inkluż il-ftehim tal-Powerstation, il-ftehim tal- privatizzazzjoni tal-isptarijiet, kif ukoll il-bejgħ tal-iskema tal-passaporti.

3. Individwi li għandhom kariga pubblika li huma mħarsa mill-politiċi korrotti għad-detriment tal-pubbliku Malti għandhom jitneħħew u jiġu investigati. Dawn jinkludu l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, li jinsab taħt investigazzjoni kriminali kif ukoll l-eks kummissarju tal-pulizija Lawrence Cutajar.

Huwa biss meta jsiru dawn l-azzjonijiet meħtieġa nistgħu nibdew nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni ta' Malta ”.

Roberta Metsola qalet li d-delegazzjoni “kienet lesta li tkompli tagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex turi li l-azzjonijiet tal-mistħija ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi ma jirrappreżentawx il-poplu Malti u Għawdxi. Diġà teżisti evidenza u xhieda ġuramentata għall-infurzar tal-liġi biex tittieħed azzjoni. L-uniku mod li l-Gvern jista’ jiġi emmnut minn kull istituzzjoni Ewropea jew internazzjonali huwa li juri li huwa kapaċi li jirriforma, u jekk isiru prosekuzzjonijiet serji fuq il-kriminali u l-korrotti. Hekk biss jista’ dan il-Gvern ikollu xi xempju ta’ kredibilita’. Għad fadal mistoqsijiet kbar dwar il-vjaġġi ta' Joseph Muscat meta kien wasal biex jirreżenja, b'mod partikolari dawk il-ftit sigħat li qatta f'Dubai u n-nomina li ma seħħitx ta' Konrad Mizzi fl-OSCE. "

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat