Roberta Metsola tappella lill-Istati Membri tal-UE biex jirreaġixxu għas-sitwazzjoni tal-immigranti

02.05.2020 12:08

Roberta Metsola tappella lill-Istati Membri tal-UE biex jirreaġixxu għas-sitwazzjoni tal-immigranti

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Head of PN Delegation Roberta Metsola MEP
Traduzzjoni
Select language:

Tniedi politika ġdida dwar il-immigrazzjoni tal-Grupp PPE

"56 immigrant ġew salvati fil-Mediterran u issa jinsabu fuq vapur Malti mikri mill-Istat. Ħajjithom u saħħithom mhumiex f’riskju immedjat. Hija miżura temporanja. M’hijiex soluzzjoni aħħarija. Għandna bżonn soluzzjonijiet permanenti,” qalet l-MEP Roberta Metsola dalgħodu waqt li nediet approċċ ġdid tal-Grupp tal-Partit tal-Poplu Ewropew għall-isfidi tal-immigrazzjoni.

L-ewroparlamentari Metsola insistiet mal-Prim Ministru Abela biex iwarrab il-politika partiġġjana u jappoġġja l-pjan il-ġdid li jagħti viżjoni ta’ kif il-qsim tar-responsabbilta jista’ jiġi addottat mill-UE (ara d-dokument mehmuż). "M'hemmx ħin x’naħlu. Irnexxielna nipperswadu il-Grupp parlamentari tal-PPE kollu, issa hemm bżonn li l-gvernijiet tal-UE jirreaġixxu wkoll u hemm bżonn li l-Gvern tagħna jżid l-isforzi tiegħu f’din id-direzzjoni. Ma nistgħux naffordjaw li jkollna erba’ ewro-deputati Laburisti jivvutaw bi tlett modi differenti fuq dawn il-kwistjonijiet tant kruċjali u ma nistgħux naffordjaw li n-negozjati diplomatiċi tagħna jkunu mminati minn rapporti mingħajr tweġiba dwar ritorn ta’ immigranti lejn il-Libja minn persuni privati imqabbda b’mod sigriet."

"Fil-Parlament Ewropew jien kburija li mexxejt in-negozjati f'isem il-Grupp PPE. Fi żmien rekord, sibna direzzjoni ċara u dan juri li huwa possibbli ftehim fuq l-immigrazzjoni għall-kontinent Ewropew kollu. Il-pjan tagħna huwa appoġġat minn Membri Parlamentari Ewropej minn madwar l-UE kollha. Huwa msejjes fuq prinċipji sodi u jikkonsisti minn:

- Qafas ġdid għall-qsim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri kollha bbażat fuq solidarjetà ġenwina li tiżgura li Malta, l-Italja u l-Greċja ma jitħallewx waħedhom;

- Neqirdu darba għal dejjem in-netwerks tat-traffikar tan-nies u l-kuntrabandu;

- Ir-ritorn ta’ dawk in-nies li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni lura lejn pajjiżhom b'mod sikur;

- Nħarsu l-fruntieri esterni tagħna permezz ta’ skjerament aktar mgħaġġel ta' 10,000 gwardja tal-fruntiera;

- Niżguraw li ħadd ma jmut fuq il-baħar. Nenfasizzaw li din hija soluzzjoni globali u l-portijiet kollha siguri fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran għandhom ir-responsabbiltà għall-iżbark;

- Il-ħolqien ta’ mezzi legali għal dawk li huma meħtieġa jaħdmu fl-Ewropa u għal dawk li għandhom bżonn protezzjoni biex ifittxu l-ażil anke barra l-Ewropa, fis-sens li ma jkollhomx għalfejn jitilgħu fuq dgħajsa u jirriskjaw ħajjithom;

Nindirizzaw ir-raġunijiet li jimbuttaw il-persuni biex jitilqu minn pajjiżhom billi ninvestu fl-Afrika, imma niżguraw li l-għajnuna li ngħatu hija marbuta mal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' immigrazzjoni,” qalet l-MEP Metsola.

“Il-pożizzjoni tagħna hija ġusta ma’ dawk li għandhom bżonn protezzjoni; aħna sodi ma' dawk li m’għandhomx dritt għal din il-protezzjoni u ħarxa ma’ dawk li jisfruttaw il-vulnerabbli. Issa għandna fuq il-mejda soluzzjonijiet pragmatiċi, li jgħoddu għall-Ewropa kollha. Issa għandna bżonn li l-Ewropa tirreaġixxi u l-Gvern tagħna jappoġġjana,” ikkonkludiet l-MEP Metsola.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat