Roberta Metsola: "Tlaqna minn emerġenza klimatika u wasalna f’katastrofi"

18.09.2019 13:26

Roberta Metsola: "Tlaqna minn emerġenza klimatika u wasalna f’katastrofi"

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Roberta Metsola MEP
Traduzzjoni
Select language:

"Meta Greta Thunberg, bħala l-vuċi tal-ġenerazzjoni tagħha, talbet lill-politiċi biex jippanikjaw, kellha raġun. Huwa f'idejna issa jekk irridux nibqgħu deħlin dritt ġol-ħajt jew inkella rridux nieħdu azzjoni drastika. "

Roberta Metsola qalet dan lill-ewro-parlamentari fi Strasburgu waqt li kienu qed jiddiskutu n-nirien fl-Amażonja u f’foresti oħrajn.

"Din hija l-għażla li qed niffaċċjaw. Fl-isfond ta' tibdil fil-klima mingħajr preċedent u deforestazzjoni fuq livelli li qatt ma rajna qabel, il-pulmuni tad-dinja malajr qegħdin jimtlew bid-duħħan. Tlaqna minn emerġenza klimatika biex issa wasalna f’katastrofi globali. Id-dinja jistħoqqilha rispons aħjar mit-teatrini infantili li qed naraw fuq Twitter,” qalet il-Kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Grupp PPE.

Il-qerda tal-foresti madwar d-dinja kollha ġiet diskussa mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej tal-Kunsill tal-Ministri u mal-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew.

F'Lulju li għadda, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument li jelenka numru ta' azzjonijiet meħtieġa biex nipproteġu il-foresti fid-dinja, li jospitaw 80% tal-bijodiversità fuq l-art. Il-preservazzjoni tal-foresti hija kruċjali fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-foresti jsostnu l-għajxien ta' madwar kwart tal-popolazzjoni tad-dinjija.

"Is-sistema kollha kemm hi hija difettuża. Id-drawwiet tagħna u l-kultura tagħna ta' rami bla rażan flimkien ma' politika populista li tħares biss sa imneħira, se jkollhom konsegwenzi traġiċi fuq il-ħajja u s-saħħa tat-tfal tagħna u ta' uliedhom. Meta l-evidenza kollha qed turina li l-mod kif aħna nikkunsmaw ir-riżorsi naturali kollha tagħna mhuwiex sostenibbli, irrid jkollna l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet iebsa li hemm bżonn jittieħdu. Għamilna dan bil-plastik u rnexxielna ndaħħlu projbizzjoni ta' wħud mill-agħar prodotti. Iżda issa wasal iż-żmien li nagħmlu pass ieħor għax l-Ewropa tista' tkun mexxej globali f'dan il-qasam,” enfasizzat il-MPE Metsola.

 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'182 Membru minn 26 Stat Membru.

Kontenut relatat