David Casa jappella għal azzjoni koordinata kontra l-bagħal taż-żunżan

23.03.2023 10:30

David Casa jappella għal azzjoni koordinata kontra l-bagħal taż-żunżan

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

L-MEP David Casa ħeġġeġ għall-aktar azzjoni koordinata u riżorsi mill-Unjoni Ewropea sabiex tiġi indirizzata ż-żieda fil-popolazzjoni tal-oriental hornet, magħruf f’Malta bħala l-bagħal taż-żunżan. Huwa speċi invażiv li qed jikber u li għandu konsegwenzi ħorox fuq l-apikoltura u s-saħħa tal-bniedem.

F’ittra lill-Kummissiojni Ewropea, David Casa qal li “l-kostitwenti Maltin esprimew allarm dwar l-isplużjoni fil-popolazzjoni ta’ din l-ispeċi li sussegwentament ħalliet impatt kbir u ikrah fuq l-industrija domestika tal-apikoltura. Din l-ispeċi ħolqot ħerba fuq in-naħal indiġeni, u l-bijodiversità fuq skala liema bħala”, stqarr Casa.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza tal-protezzjoni tal-pollinaturi. Dan jidher ċar fil-Patt Ġdid li ħareġ aktar kmieni f'Jannar.

“B’tant ħsara li diġà saret, is-sitwazzjoni teħtieġ rispons urġenti u koordinat. Hija aktar minn sempliċiment problema ta’ kontroll tal-pesti u saħansitra tippreżenta kwistjonijiet kumplessi li jridu jiġu indirizzati b’mod sistematiku, jekk l-ekosistemi lokali jridu jiġu protetti”, stqarr Casa.

Casa faħħar il-programmi bil-ħsieb li jġibu gruppi interessati minn pajjiżi differenti flimkien sabiex jirriċerkaw miżuri ta’ mitigazzjoni u jipproteġu l-produzzjoni tal-għasel kif ukoll jillimitaw il-ħsara kkawżata minn speċi invażivi. "Proġetti bħal dawn jistħoqqilhom li jiġu ffinanzjati mill-UE u għandna niżguraw li r-riżorsi meħtieġa jkunu disponibbli."

“Il-pollinaturi għandhom rwol indispensabbli fl-ekosistemi tagħna. L-isforzi sabiex jiġu protetti għandhom jiġu appoġġati u intensifikati. Il-Kummissjoni għandha taġixxi, f'koordinazzjoni, id f’id, mal-Istati Membri, sabiex timmobilizza r-riżorsi u l-finanzjament neċessarji kemm jista’ jkun malajr”, sostna l-MEP.

Fuq livell lokali, Casa ikkritika lill-Gvern Malti talli naqas milli jadotta sistema koordinata u effettiva biex jindirizza l-kwistjoni.

“L-azzjoni li ttieħdet s’issa ma kienet sodisfaċenti xejn. Hemm xi sforzi reġjonali li għandhom mertu, iżda li hemm bżonn hija strateġija koordinata tajba u implimentata fuq livell nazzjonali sabiex tissalvagwardja l-pollinaturi, kif ukoll tipproteġi lill-produtturi tal-għasel tagħna li sofrew telf devastanti f'dawn l-aħħar snin. Għasel magħmul f'Malta u Għawdex huwa wieħed mill-prodotti li jiddefinixxuna u li huwa rikonoxxut internazzjonalment għall-kwalità tiegħu. Wasal iż-żmien li nżidu l-isforzi biex nipproteġuh u lin-nies li jagħmluh”.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'176 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat