MEPs jinsistu għal azzjoni b’saħħitha kontra r-reġim tal-Belarussja

24.05.2021 13:51

MEPs jinsistu għal azzjoni b’saħħitha kontra r-reġim tal-Belarussja

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Alexander Lukashenko
Traduzzjoni
Select language:

Casa: Wasal iż-żmien li l-UE tgħaddi mill-kliem għall-fatti: azzjonijiet mhux diskorsi

Membri tal-Parlament Ewropew, minn diversi gruppi politiċi, qed jitolbu lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea biex tissospendi titjiriet miż-żona tal-ajru tal-Belarussja, biex tissospendi kull konnessjoni bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja kif ukoll biex tinbeda inkjesta dwar il-ksur ta’ liġijiet internazzjonali tal-avjazzjoni. Din it-talba saret f’ittra b’saħħitha, mmexxija mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Parlament Ewropew għall-Midja li jitmexxa b’mod konġunt mill-Membru Malti David Casa, wara l-ħtif tat-titjira tar-Ryanair minn Ateni għal Vilnius.

“Dak li seħħ ilbieraħ hu skandaluż. Illum, il-Kunsill Ewropew għandu jieħu azzjoni konkreta kontra r-reġim illeġittimu ta’ Aleksander Lukashenko. Dak li rajna lbieraħ hu terroriżmu mill-istat: ħtif ta’ titjira minn kapitali tal-UE għall-oħra, biex ikunu arrestati ġurnalist u s-sieħba tiegħu. It-tnejn li huma għandhom jinħelsu mill-Belarussja kemm jista’ jkun malajr,” insista l-Kwestur tal-Parlament Ewropew David Casa.

Ilbieraħ, il-ġurnalist mill-Belarussja Roman Protasevich u s-sieħba tiegħu Sofia Sapega nħatfu u ġew arrestati wara li t-titjira li kienu fuqha ġiet iddevjata lejn il-Belarussja, mir-reġim tal-istess pajjiż. Dan minbarra l-ħtif sfurzat ta’ 171 passiġġier abbord.

Fl-ittra tagħhom lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, u lill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, il-Membri tal-Parlament Ewropew insistew għal azzjoni b’saħħitha. “Dan l-att ta’ terroriżmu mill-istat hu attakk kontra l-Unjoni Ewropea, u poġġa f’riskju s-sigurtà tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ. Dan għandu jkun indirizzat b’rispons b’saħħtu u magħqud.”

L-MEP Casa, flimkien mal-MEPs l-oħra, insista għal aktar sanzjonijiet kontra Lukashenko b’mod personali, kif ukoll kontra dawk responsabbli għal dawn l-atti. “Wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti. Jien nistenna azzjoni konkreta mill-Mexxejja tal-Istati u l-Gvernijiet waqt il-laqgħa tagħhom illum fi Brussell. Għandna nkunu magħquda kontra r-reġimi illeġittimi u biex nipproteġu lill-ġurnalisti,” temm jgħid Casa.

L-ittra qed tiġi mehmuża ma’ din l-istqarrija.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'178 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat