"Liġijiet ġodda tal-UE huma meħtieġa biex jipproteġu l-ġurnalisti" - VP Roberta Metsola

21.06.2021 10:14

"Liġijiet ġodda tal-UE huma meħtieġa biex jipproteġu l-ġurnalisti" - VP Roberta Metsola

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Roberta Metsola reading the SLAPP document on a sofa in the lobby of the EU Parliament.
Traduzzjoni
Select language:

L-abbozz tar-rapport Anti-SLAPP ippubblikat

Ir-rapporteurs tal-Parlament Ewropew, li huma nkarigati li jistabbilixxu miżuri ġodda biex jipproteġu l-ġurnalisti, qed jinsistu biex tidħol leġiżlazzjoni diretta tal-UE, sabiex jiġu protetti l-ġurnalisti minn kawżi abbużivi li jsiru biex isikktu l-istess ġurnalisti.

Il-proċess fil-parlament, li huwa mmexxi mill-Ewwel Viċi President Roberta Metsola u l-MEP Soċjalista Tiemo Wölken, għandu l-għan ewlieni li jitwaqqfu darba għal dejjem l-hekk imsejħa kawżi SLAPP madwar l-Ewropa. L-abbozz tar-rapport tagħhom issa ġie ppubblikat.

Il-VP Roberta Metsola qalet “Ir-rapport tagħna joħroġ bi proposti konkreti li għandhom l-għan li jnaqqsu s-SLAPPs madwar l-Ewropa. Peress li ebda stat membru tal-UE għadu ma introduċa l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali kontra l-SLAPP, ir-rapport jitlob li tiġi addottata direttiva tal-UE, li tipprovdi salvagwardji minimi għal-libertà tal-midja u l-libertà tal-espressjoni b'mod ġenerali."

“Barra minn hekk, ir-rapport jirrakkomanda mekkaniżmi li jippermettu lill-Qrati jieħdu deċiżjoni li jwaqqaw il-kawżi SLAPP sommarjament u jipprovdu pieni effettivi kontra azzjonijiet SLAPP abbużivi. Ir-rapport jirrakkomanda reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex jitnaqqas dak li huwa magħruf bħala ‘forum shopping’ jew ‘libel tourism'. Barra minnhekk, ir-rapport jinkludi numru ta’ miżuri oħra komplementari bħall-fond tal-UE għall-vittmi ta’ SLAPPs, taħriġ adegwat għall-imħallfin u avukati, kif ukoll ċentru ta’ informazzjoni ‘one-stop-shop’ għall-vittmi ta’ kawżi SLAPP. "

“Iċ-ċavetta hawnhekk hija l-bilanċ. Talbiet leġittimi naturalment għandhom ikunu protetti. Huma t-talbiet li huma manifestament infondati, jew li huma abbuż ċar ta' proċess li jridu jiġu indirizzati - dawk li mhumiex maħsuba biex jipproteġu d-drittijiet iżda biex isikktu. Dawn huma kollha miżuri li nistgħu nintroduċu u miżuri li l-ġurnalisti ilhom jitolbuhom. Il-ġurnaliżmu m'għandu qatt jopera taħt ebda thedida, wisq inqas taħt riskju ta' rovina finanzjarja minn idejn il-qarrieqa. Dawk li jabbużaw mis-sistemi legali tagħna - ħafna drabi permezz ta’ ‘forum shopping’ bejn il-fruntieri - biex jippruvaw isikktu l-ġurnalisti m'għandhom isibu l-ebda protezzjoni fl-Ewropa tagħna. Wasal iż-żmien li nagħtu spinta lill-armerija leġiżlattiva tagħna u dan huwa dak li nixtiequ niksbu b'dan ir-rapport”, qalet il-VP Metsola.

L-abbozz tar-Rapport huwa disponibbli hawn.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-pass li jmiss huwa l-preżentazzjoni tar-rapport anti-SLAPP mill-korapporteurs (Roberta Metsola (PPE, Malta) u Tiemo Wölken (S&D, il-Ġermanja) fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat l-ieħor dwar Affarijiet Legali. Il-MPE fi ħdan dawn iż-żewġ kumitati mbagħad ikollhom l-opportunità li jissottomettu l-emendi tagħhom.

X'inhuma l-SLAPPs?

SLAPPs (Kawżi Strateġiċi kontra l-Parteċipazzjoni Pubblika) saru fenomenu, li iktar ma jgħaddi żmien, qed jikber madwar l-Ewropa. Huma rarament ikollhom talba leġittima u rarament huma mmirati lejn il-kisba ta' eżitu ġudizzjarju favorevoli. Minflok, għandhom l-għan speċifiku li jsikktu lill-imputat billi jissuġġettaw lill-persuna għal kawżi twal u għaljin, u ħafna drabi isiru f'ġurisdizzjoni barranija.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'178 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat