Il-finanzjament tal-UE jista’ jgħin lill-bdiewa Maltin jixtru art sabiex tiġi ssalvagwardjata l-provvista lokali tal-ikel: Peter Agius f’laqgħa mal-Bank Ewropew tal-Investiment

15.04.2025 10:09

Il-finanzjament tal-UE jista’ jgħin lill-bdiewa Maltin jixtru art sabiex tiġi ssalvagwardjata l-provvista lokali tal-ikel: Peter Agius f’laqgħa mal-Bank Ewropew tal-Investiment

Avviż importanti

Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.

Video picture
Traduzzjoni
Agħżel lingwa oħra:

Il-Membru Parlamentari Ewropew Peter Agius iltaqa’ din il-ġimgħa mar-rappreżentanti tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jesplora kif il-finanzjament mill-UE jista’ jgħin lill-bdiewa Maltin u Għawdxin jixtru art agrikola.

Matul il-laqgħa, il-BEI ppreżenta lill-MEP Peter Agius il-programm il-ġdid ta’ finanzjament għall-agrikoltura — fond ta’ €3 biljun imnedija f’Diċembru li għadda — li diġà qed jappoġġja proġetti agrikoli f’pajjiżi Mediterranji bħal Spanja, l-Italja u l-Portugall. L-iskemi tal-BEI għandhom l-għan li jsaħħu l-investiment fl-operat agrikolu f’kollaborazzjoni mal-banek lokali, u joffru kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, fosthom għal xiri ta’ art.

Wara l-laqgħa, il-MPE Agius enfasizza l-ħtieġa urġenti għal strumenti finanzjarji mfassla apposta għall-isfidi uniċi li jiffaċċjaw l-agrikoltura f’Malta:

“Il-prezzijiet tal-art agrikola f’Malta telgħu għaxar darbiet f’dawn l-aħħar snin. Bdiewa żgħażagħ u dawk li jridu jespandu l-operat tagħhom qed jaffaċċjaw prezzijiet ta’ bejn €60,000 u €100,000 għal tomna ta’ art. Qabbel dan ma’ prezzijiet ta’ madwar €3,000 għal l-istess daqs ta’ art fl-Ewropa kontinentali. Il-bdiewa Maltin għandhom bżonn għajnuna diretta biex jixtru art sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fis-suq uniku. Dan hu wkoll fl-interess pubbliku biex nassiguraw is-sigurtà tal-ikel f’Malta. B’rata bħal din, il-prodotti barranin issa jammontaw għal sa 70% tas-suq lokali tal-prodotti friski. Qegħdin nirriskjaw sitwazzjoni ta’ insigurtà serja tal-ikel f’każ ta’ emerġenzi fil-fruntieri jew problemi ta’ importazzjoni bħal dawk li esperjenzajna waqt il-COVID-19.”

“Il-programm tal-BEI jista’ jkun opportunità konkreta għal Malta,” qal Agius. “L-aċċess għall-art sar ostaklu kbir għall-biedja Maltija, iżda issa l-Ewropa għandha l-għodod biex tgħinna negħlbu din l-isfida. Dawn il-fondi jistgħu jiġu adattati sabiex jappoġġjaw direttament lill-bdiewa li jridu jinvestu fil-futur kollettiv tagħna u jikkontribwixxu għal produzzjoni lokali aktar b’saħħitha.”

Reaġixxa għall-ftehim il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura u Membru Parlamentari Nazzjonalista, Toni Bezzina, li qal:

“Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea biex tiġi ffaċilitata l-akkwist tal-art agrikola tibqa’ strumentali biex jissaħħaħ u jerġa’ jibda jiffjorixxi s-settur agrikolu f’Malta u Għawdex, li tul dawn l-aħħar snin ra tnaqqis konsiderevoli fl-attività tiegħu. Din l-iskema mill-Bank Ewropew tal-Investiment tirrappreżenta l-ewwel pass konkret lejn politika agrikola sostenibbli li tħares lejn il-futur — tagħti lill-bdiewa żgħażagħ l-għodod meħtieġa sabiex jħaddnu l-biedja bħala l-professjoni prinċipali tagħhom f’Malta.”

Il-MEP Peter Agius tenna l-importanza ta’ intervent immedjat sabiex jingħata appoġġ lill-bdiewa biex jiksbu l-art meħtieġa, fid-dawl tal-fatt li s-settur agrikolu f’Malta qed isibha diffiċli jikkompeti mal-iskala tal-ekonomiji tal-Ewropa kontinentali u swieq internazzjonali oħra. Id-daqs medju ta’ razzett f’Malta huwa inqas minn ettaru, meta mqabbel ma’ aktar minn 20 ettaru f’razzett tipiku fl-Ewropa. “Irridu nsibu modi konkreti kif nagħtu s-setgħa lill-bdiewa Maltin jikkompetu. Wieħed mill-modi hu li ngħinhom jespandu. L-aċċess għall-art hu ċ-ċavetta,” qal Agius, li huwa wkoll Membru tal-Kumitat għall-Agrikoltura fil-Parlament Ewropew.

Il-MEP Peter Agius temm b’appell dirett lill-gvern u lill-banek lokali:

“Nistgħu naċċessaw miljuni f’self mill-Ewropa biex ngħinu l-produzzjoni tal-ikel f’Malta. Is-suċċess ta’ din l-iskema jiddependi fuq l-impenn tagħkom. Ejja naħdmu flimkien biex dan isir każ ta’ suċċess Malti fl-Ewropa. Jiena ser inkompli naħdem ma’ dawk kollha involuti sabiex niżguraw li l-bdiewa Maltin jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet bla dewmien.”

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'188 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat