It-Turkija għandha twaqqa’ l-akkużi kontra Pelin Ünker - Casa qabel żjara fit-Turkija

16.02.2019 12:51

It-Turkija għandha twaqqa’ l-akkużi kontra Pelin Ünker - Casa qabel żjara fit-Turkija

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Turkish flag
Traduzzjoni
Select language:

Il-ġimgħa d-dieħla, David Casa se jżur Istanbul biex jiltaqa’ mal-ġurnalista investigattiva Pelin Ünker, it-tim legali tagħha, NGOs u għaqdiet tal-ġurnalisti.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa qal: “Il-każ ta’ Pelin Ünker, ġurnalista li ngħatat sentenza ta’ 13-il xahar ħabs wara li rrapportat b’mod fattwali fuq il-qraba tal-politiċi, hu eżempju ċar tal-istat tal-libertà tal-media fit-Turkija, u dan għandu jiġi indirizzat. Hu ta’ tħassib Ünker qed tiffaċċja wkoll it-tieni każ fuq fatti simili li nfetaħ mill-Ministru tal-Finanzi tat-Turkija li jiġi wkoll it-tifel tal-mara tal-President Erdogan.

Il-każ ta’ Pelin Ünker għandu sinifikat globali għaliex hi rrapportat fatti li ġew rikonoxxuti bħala l-verità dwar in-negozji tagħhom f’Malta. Is-sentenza wasslet għal kundanna internazzjonali, għaliex din hi l-ewwel darba li ġurnalista ngħatat sentenza ta’ ħabs għaliex irrapportat fatti li ma ġewx miċħuda. Hu l-ewwel każ ta’ kundanna wkoll fuq ġurnalista li rrapportat il-Paradise Papers. Jekk is-sentenza tiġi konfermata jkollha impatt qawwi fuq il-libertà tal-media fit-Turkija.”

David Casa ilu jikkampanja għal aktar protezzjoni għall-ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea, u segwa mill-qrib is-sitwazzjoni fit-Turkija  għal dawn l-aħħar 15-il sena fir-rwol tiegħu fil-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u t-Turkija.

“Jekk din is-sentenza krudili tkun infurzata, Pelin Ünker hija omm żagħżugħa li se tkun isseparata minn binha ta’ sentejn. Dawn mhux atti li jseħħu f’pajjiż li jaspira li jkun parti mill-Unjoni Ewropea. Sfortunatament, hu ċar li llum, it-Turkija hija aktar ‘il bogħod mill-adeżjoni fl-UE milli kienet meta applikat għas-sħubija snin ilu. Mingħajr bidliet sostanzjali fil-liġijiet li jirregolaw il-ġurnalisti u kif dawn ikunu nfurzata, jkollha terġa’ tiġi evalwata l-possibilità tal-adeżjoni fl-UE. Il-messaġġ tiegħi lill-awtoritajiet Torok hu ċar - waqqgħu l-akkużi kontra Pelin Ünker u wettqu riforma fil-liġijiet tal-media, li skonthom, terz tal-ġurnalisti tad-dinja jkunu l-ħabs. Mingħajr il-libertà tal-media, id-demokrazija ma tiffunzjonax.” 

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat