Il-vaċċin tal-COVID-19 għandu jkun provdut lil kulħadd mingħajr diskriminazzjoni - MEP David Casa

13.05.2020 14:26

Il-vaċċin tal-COVID-19 għandu jkun provdut lil kulħadd mingħajr diskriminazzjoni - MEP David Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
Quaestor David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

Il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa insista mal-Unjoni Ewropea biex tassigura li, ladarba jkun disponibbli, l-vaċċin għall-COVID-19 għandu jkun provdut lil kull ċittadin, mingħajr diskriminazzjoni. David Casa għamel dan l-appell waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta.

David Casa qal li l-Unjoni Ewropea għandha rwol kruċjali biex tassigura li l-proċess tal-akkwist tal-vaċċin ikun trasparenti kemm jista’ jkun. “L-Unjoni Ewropea m’għandiex biss tiffoka fuq il-proċess tal-ħolqien u tal-akkwist tal-vaċċin. Irridu nkunu wkoll preparati għall-possibilità li l-vaċċin jinstab f’kontinent ieħor bħaċ-Ċina jew l-Istati Uniti li jistgħu ma jkunux iridu jqassmu dan il-vaċċin ma’ ħaddieħor. L-UE għandha tkun preparata li tieħu miżuri, bħal dak li hu magħruf bħala forced licencing. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu liċenzji lil kumpaniji tal-farmaċewtika biex jużaw ir-riċetta tal-produzzjoni tal-vaċċin, mingħajr il-permess formali tal-kumpanija oriġinali, li ħolqot ir-riċetta tal-vaċċin. Stati membri żgħar m’għandhomx jitpoġġew fi żvantaġġ minħabba burokrazija leġislattiva jew privattivi. Il-vaċċin għandu jkun provdut lil kulħadd mingħajr distinzjoni.” qal Casa.

Waqt li għamel referenza għas-Sessjoni Plenarja din il-ġimgħa fi Brussell, l-MEP Casa qal li l-ħidma tiegħu bħala rapporter tal-Parlament għal-Fond Soċjali Ewropew il-ġdid hi li jassigura li dawn il-flus jintużaw biex naddattaw għan-‘normalità l-ġdida’, u jindirizzaw problemi soċjali u ekonomiċi li nħolqu bil-COVID-19.

Waqt li kien qed jindirizza lill-ġurnalisti dwar ir-rwol tiegħu ta’ Kwestur tal-Parlament Ewropew, David Casa spjega li bħala membru tal-Bureau, hu kien involut fid-deċiżjoni tal-Parlament li jassigura li d-demokrazija ma tieqafx. “Jien kburi li f’dawn iż-żminijiet diffiċli, l-Parlament Ewropew ma qgħadx lura mir-rwol kruċjali li għandu. Anke jekk l-ivjaġġar ma kienx permess, il-ħidma tagħna ma waqfitx, u dan permezz ta’ laqgħat virtwali u, b’mod importanti, permezz tal-voti. Fil-fatt, fi spazju ta’ 6 ġimgħat, saru aktar minn 119 il-laqgħa virtwali b’aktar minn 13,000 parteċipant. Dawn il-laqgħat jinkludu 62 laqgħa tal-Kumitati, 37 laqgħa tal-gruppi politiċi, u 20 laqgħa tal-amministrazzjoni tal-Parlament,” temm jgħid l-MEP Casa.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat