Il-Ftehim dwar il-Karta tad-Diżabilità tal-UE approvat fil-Kumitat

19.03.2024 10:31

Il-Ftehim dwar il-Karta tad-Diżabilità tal-UE approvat fil-Kumitat

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP

Il-Karta tad-Diżabilità tal-UE tinsab pass eqreb li ssir realtà wara li l-ftehim provviżorju, innegozjat mill-MEP David Casa f’isem il-PPE, irċieva appoġġ kbir fi ħdan il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

“Din il-leġiżlazzjoni se jkollha impatt pożittiv konkret fuq il-ħajja taċ-ċittadini peress li tiżgura l-libertà tal-moviment għall-persuni b’diżabilità li għadhom qiegħdin isibu l-ostakli meta jivvjaġġaw,” stqarr Casa.

“Persuna b’diżabilità rikonoxxuta li tingħata aċċess speċjali f’Malta għandha ssib ukoll l-appoġġ li teħtieġ barra minn Malta wkoll,” sostna Casa, “mingħajr ma jkollha terġa’ toqgħod tipprova mill-ġdid jew tgħaddi minn proċeduri oħra sempliċiment biex tivvjaġġa għal żmien qasir.

"Illum, aħna ninsabu eqreb minn qatt qabel biex niżguraw li din issir realtà."

Casa insista fuq l-importanza ta’ infurzar effettiv, speċjalment fejn għandu x’jaqsam l-aċċess għall-informazzjoni, u afferma, “Il-benefiċċjarji ta’ dawn id-drittijiet imsaħħa jridu jkunu jafu bid-drittijiet tagħhom sabiex igawduhom, u huwa għalhekk li ksibna r-rekwiżit ta’ informazzjoni b’saħħtu li jagħmel il-benefiċċji disponibbli ċari f’kull pajjiż.

"Naturalment, wara li tiġi ffirmata f'liġi, il-gvernijiet għandhom jiżguraw traspożizzjoni rapida," ħeġġeġ Casa.

Wara l-approvazzjoni tal-kumitat tal-lum, il-Karta tad-Diżabilità tal-UE u l-Karta tal-Parkeġġ se jmorru għall-approvazzjoni finali mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja ta’ April.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'178 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat