Id-direttiva tfisser investiment dirett fil-familji Maltin u Għawdxin - David Casa

16.02.2019 8:06

Id-direttiva tfisser investiment dirett fil-familji Maltin u Għawdxin - David Casa

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
David Casa MEP
Traduzzjoni
Select language:

Id-drittijiet il-ġodda li jkunu introdotti permezz tad-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, ifissru li l-familji issa se jkunu jistgħu jqattgħu aktar ħin flimkien.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal dan meta kien qed jindirizza laqgħa organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, dwar id-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol. Casa spjega kif id-drittijiet il-ġodda se jagħmlu revoluzzjoni fil-mod kif il-familji jindirizzaw l-isfida ta’ kuljum: li joħolqu bilanċ bejn id-dmirijiet tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

L-MEP David Casa, li mexxa din id-Direttiva bħala Rapporter tal-Parlament Ewropew, qal: “Ir-rwol tagħna fil-Parlament Ewropew hu li nassiguraw li l-liġijiet li jkunu diskussi u approvati fl-istituzzjonijiet Ewropew iħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Matul in-negozjati fuq din id-Direttiva, jien dejjem żammejt l-interessi tal-familji u n-negozji f’moħħi, u nemmen li r-riżultat finali jirrifletti dan.”

“Jien ta’ spiss niltaqa’ ma’ koppji żgħażagħ li qed jippjanaw li jiżżewġu jew li jkollhom it-tfal, imma jibżgħu mill-isfidi li l-ġenituri llum qed jiffaċċjaw. Irridu nassiguraw li d-drittijiet tal-ġenituri jiżdiedu, filwaqt li nipprovdu l-għodod għan-nisa biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fuq il-post tax-xogħol. Din il-liġi hi tajba għan-nisa, għall-familji, għall-ekonomija u għan-negozji,” qal David Casa.

Casa argumenta wkoll li n-negozji għandhom ikunu protetti mill-ispejjeż li din id-direttiva se toħloq. L-istat għandu jħares lejn dawn id-drittijiet bħala servizzi soċjali u investiment dirett fil-familji Maltin u Għawdxin. “L-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna u l-ħidma tagħhom m’għandhiex tkun ostakolata,” insista Casa.

Lejn l-aħħar tax-xahar li għadda, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar id-Direttiva l-ġdida tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol, li se tinkludi:

  • 10 t’ijiem ta’ leave tal-paternità li ma jkunx anqas mill-livell tal-leave tal-mard;
  • 4 xhur ta’ leave għall-ġenituri li xahrejn minnu jkunu mħallsa u mhux trasferibbli;
  • 5 t’ijiem ta’ leave fis-sena għal min iridu jieħu ħsieb il-qraba; u 
  • d-dritt li jintalbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli.

L-MEP Casa rringrazzja lir-rappreżentanti tal-unions, ta’ min iħaddem u l-istakeholders kollha li hu kien f’kuntatt magħhom matul in-negozjati. Il-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE approvaw din id-Direttiva, u vot simili mistenni jittieħed fil-Parlament Ewropew kmieni x-xahar li ġej.

Ritratti tal-attività jinsabu fuq il-Paġni ta' Facebook ta' David Casa u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta.

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'217 Membru minn 28 Stat Membru.

Kontenut relatat