Il-MPE Roberta Metsola fuq il-COVID19: “Il-prezz tal-indeċiżjoni huwa għoli wisq"

26.03.2020 10:22

Il-MPE Roberta Metsola fuq il-COVID19: “Il-prezz tal-indeċiżjoni huwa għoli wisq"

Avviż importanti
Il-pożizzjonijiet hawnhekk huma tad-delegazzjoni nazzjonali u mhux bilfors dejjem jirriflettu l-pożizzjoni tal-Grupp.
MEP Roberta Metsola
Traduzzjoni
Select language:

M’aħniex ser inħallu differenzi fir-rispons tal-UE bejn l-istati kbar u żgħar.

"L-uniku mod kif nirreaġixxu għal din il-kriżi tal-COVID19 huwa li l-Ewropa tkun magħquda b’solidarjetà sħiħa. Dan ifisser li għandna nagħmlu dak kollu possibbli biex nimminimizzaw il-kontaġju, inżommu l-linji tal-provvista tal-Ewropa funzjonali, niżguraw li s-sistemi tal-kura tas-saħħa jkollhom l-appoġġ kollu meħtieġ u nissalvagwardjaw l-impjiegi f'dan il-mument daqstant kritiku.” Dan qalitu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN għall-Parlament Ewropew, l-ewroparlamentari Roberta Metsola qabel is-sessjoni plenarja straordinarja tal-Parlament Ewropew. 

L-ewroparlamentari Metsola qalet li “r-riposta tagħna ma tistax tkun nofs qalb. Ma nistgħux nibżgħu nonfqu u ma nistgħux naħsbuha darbtejn qabel nagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex nissalvagwardjaw l-ekonomiji u l-impjiegi tal-popli tagħna”. Metsola ħeġġet lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jirreaġixxu malajr u qalet li “n-nuqqas ta' azzjoni jew kull tip ta’ eżitazzjoni se iffissru prezz għoli li rridu nħallsu."

"Illum se nissieħeb mal-ewroparlamentari, mill-bogħod, biex nivvota fuq wieħed mill-akbar pakketti li rat l-Ewropa. Ser inniedu fond ta’ 37 biljun ewro biex ngħinu s-sistemi tas-saħħa, in-negozji u l-impjiegi. Se nwessgħu l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-UE biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika u niżguraw il-flessibilità meħtieġa biex nissalvagwardjaw linji tal-ajru, inklużi flotot żgħar bħall-Air Malta. Dan il-virus ma jaraf l-ebda fruntiera jew ġeografija, u għalhekk irridu niżguraw li ma jkun hemm l-ebda differenza fir-rispons bejn Stati Membri kbar u dawk żgħar. Aħna lkoll qegħdin fl-istess dagħjsa. Dan għandu jkun il-proġġett tal-Ewropa fl-azzjoni,” qalet il-MPE Metsola.

"Għandna niżguraw li anke l-mikro-negozji f'ekonomiji żgħar bħal Malta u Għawdex ikunu jistgħu jħossu l-benefiċċji ta’ dan il-pakkett tal-UE u li l-linji tal-ajru tagħna, l-ekosistemi ekonomiċi tagħna u s-servizzi tas-saħħa tagħna jingħataw dak kollu li għandhom bżonn, biex jifilħu għall-pressjoni li jinsabu fiha bħalissa,” tenniet Roberta Metsola.

"Il-ħeffa li biha l-Ewropa rrispondiet u l-għaqda fir-rispons tagħna turi li l-Ewropa tista’ tirreaġixxi għall-kriżi ta’ din ix-xorta u jien kuntenta li l-Unjoni tagħna wriet tmexxija fl-indirizzar ta’ din il-kriżi. L-ekonomiji tagħna se jirkupraw mix-xokk ta’ din il-kriżi u rridu niżguraw li meta tintemm, in-nies ikunu jistgħu jmorru lura għall-ħajja li kellhom qabel."

Nota lill-edituri

Il-Grupp tal-PPE huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew b'187 Membru mill-Istati Membri kollha.

Kontenut relatat